Il-Papa jagħżel lil dawk li se jmexxu s-Sinodu taż-Żgħażagħ

Il-Papa Franġisku jgħannaq lill-Kardinal Louis Raphael I Sako waqt il-Konċistorju x-xahar li għadda.

Nhar is-Sibt il-Vatikan ħabbar l-isem tal-erba’ Kardinali li l-Papa Franġisku għażel biex jippresiedi s-Sinodu tal-Isqfijiet dwar iż-Żgħażagħ li se jsir f’Ottubru li ġej. L-erba’ li huma ġejjin minn postijiet li l-Papa jqisu li huma fil-periferija tad-dinja: Myanmar, l-Iraq, Madagascar u Papua New Guinea.

Għalkemm delegat li jippresiedi s-sinodu ma tfisser xejn fejn tidħol l-andament tad-diskussjoni jew fid-deċiżjonijiet li jittieħdu, l-għażlet huma sinjifikattivi ħafna u jindikaw lejn fejn il-Papa Jixtieq li timxi d-diskussjoni fl-imsemmi Sinodu.

L-erba’ kardinali magħżula kollha għamilhom il-Papa Franġisku fl-aħħar snin.  Dawn huma: l-Patrijarka Louis Raphael I Sako tal-Iraq; il-Kardinal Desire Tsarahazana tal-Madagascat, il-Kardinal Charles Maun Bo ta’ Myanmar u l-Kardinal John Ribat ta’ Papua New Guinea.

Id-delegati tal-President  jippresiedu laqgħa tas-Sinodu f’isem il-Papa u jibdlu lil xulxin f’kull laqgħa. Ġeneralment din m’hix xi kariga memorabbli iżda min-naħa l-oħra dawn il-Kardinali se jkollhom aċċess għall-mikrofonu l-ħin kollu u jistgħu allura jagħtu pariri siewja lid-delegati.

Simbolikament, l-aktar ħaġa li tolqtok f’dawn l-għażliet hi li kull wieħed minn dawn l-erba’ Kardinali jirrappreżenta dak li l-Papa Franġisku jqis bħala l-isfida ewlenija li għandha l-umanità llum u allura jittrasmettu l-aġenda tal-Papa Franġisku għaż-żgħażagħ tad-dinja.