Il-Papa jagħti missjoni lill-Mixja Neokatekumenali

“Hi biss Knisja li tirrinunzja għad-dinja li tista’ tħabbar lil Alla b’mod tajjeb. Hi biss Knisja ħielsa mill-poter u mill-flus, ħielsa mit-trijonfaliżmi u l-klerikaliżmu, li tagħti xiehda kredibbli li Kristu jillibera lill-bniedem”.
 
Din l-eżortazzjoni għamilha l-Papa Franġisku lil madwar 150,000 rappreżentant minn 135 pajjiż  li ħadu sehem f’rally tal-Mixja Neokatekumenali fl-okkażżjoni tal-50 anniversarju minn kemm ilhom preżenti f’Ruma.
 
Il-Mixja Neokatekumenali taf il-bidu tagħha f’Madrid fl-1964 mill-artist Spanjol Kiko Arguello u taħdem għall-formazzjoni tal-insara kemm qabel u wara l-magħmudija, b’ħidma bażata fuq il-Kelma t’Alla, l-Ewkaristija u l-komunita’ kristjana.
 
Il-Mixja tiġbor fiha familji li bix-xhieda u l-ħajja tagħhom iservu biex jistabilixu l-preżenza tal-Knisja Kattolika f’pajjiżi fejn il-Knisja hi assenti jew bi preżenza żgħira ħafna jew biex tqajjem mill-ġdid u ssaħħaħ il-preżenza tal-komunitajiet kattoliċi f’żoni diffiċli jew sekularizzati ħafna.
 
Fi tmiem ir-rally f’Ruma, il-Papa Franġisku bagħat 34 missjoni ġodda biex jipproklamaw l-Evanġelju f’diversi partijiet tad-dinja u 25 komunita oħra fil-parroċċi li jiffurmaw id-djoċesi ta’ Ruma li tagħha hu l-Arċisqof.
 
Il-Papa bbaża d-diskors tiegħu fuq il-mandat ta’ Kristu “Morru” kif qal lid-dixxipli tiegħu li bagħthom fuq missjoni li jxandru l-kelma tiegħu. Meta missjunarju jitlaq jieħu miegħu biss il-bagalja tal-fiduċja f’Ġesu’ li ma kellu mkien fejn imidd rasu.
 
“Biex tmorru tridu tkunu ħfief. Biex tipproklamaw tridu tirrinunzjaw” qal il-Papa lill-membri tal-Mixja u sostna li qalb ħielsa mill-irbit tinfetaħ u ssir aċċessibli għal Alla u għal oħrajn. Wieħed li b’imħabba jirrinunzja għal affarijiet li jgħaddu, ikun qed jabbraċċja t-teżor tal-ħelisen, żied jgħid.
 
Papa Franġisku spjega li l-mandat biex “imorru” ma jfissirx li jagħmlu kollox weħidhom imma jimxu ma’ oħrajn.  Din hi arti għax titlob li nimxu flimkien bla ma wieħed jiżola lilu nnifsu u bla ma ninponu fuq l-oħrajn it-triq li nieħdu. “Magħqudin bħall-Knisja mas-saċerdoti u l-aħwa, mingħajr ħadd ma jitlaq ‘l quddiem għal rasu u bla ma ngergru għal min hu xi ftit kajman”.
 
Il-mandat ta’ Kristu li “nagħmlu d-dixxipli”, kompla l-Papa hu “kompletament differenti mid-dinamika tal-proselittiżmu”. Il-mandat hu biex naqsmu l-laqgħat tagħna ma’ Kristu li jibdlulna ħajjitna. Il-qalba tal-missjoni hi li nagħtu xhieda li Alla jħobbna, insista l-Papa.
 
Huwa ħeġġeġ lill-membri tal-Mixja Neokatekumenali biex ma jfittxux argumenti li jikkonvinċu imma ħajja li tiġbdek; mhux l-abbilta’ li jimponu lilhom infushom, imma l-kuraġġ li jservu lil ħaddieħor.
 
Fakkarhom li l-vokazzjoni tagħhom hi li jipproklamaw l-Evanġelju u jgħixu fil-familja. Ħeġġiġhom biex iwasslu l-atmosfera tal-familja fil-ħafna postijiet mitluqa u deżolati.
 
Meta Kristu għażel id-dixxipli minn fost in-nies ried jenfasizza li “f’qalbu hemm post għal kulħadd. Ħadd m’hu eskluż”.
 
Finalment il-Papa ħeġġeġ lill-Mixja biex jaċċettaw u jħobbu l-kulturi u t-tradizzjonijiet tal-popli fejn imorru bla ma jimxu fuq mudelli pre-stabbiliti. “Tibdewx minn teoriji u skemi imma minn sitwazzjonijiet konkreti u l-Ispirtu s-Santu jagħmel il-bqija biex jgħin il-Knisja tikber ‘magħquda fid-diversita’ u l-kariżma tal-popli’ ”, qal il-Papa.