X’sar mill-flus li nġabru mil-Lamborghini tal-Papa?

“Aħna grati ħafna lejn il-Papa Franġisku għal dan il-ġest ta’ missier li għamel magħna. Il-Papa hu missier il-Knisja kollha u jaħseb f’kulħadd, partikolarment f’dawk li qed isofru kif qed insofru aħna”.
B’dan il-kliem il-Patrijarka Kattoliku ta’ Babilonja, Louis Raphael I Sako, wieġeb għall-aħbar li l-unika Lamborghini Hurucan, li l-produtturi tal-karrozza kienu taw lill-Papa, inbiegħet f’irkant fit-12 ta’ dan ix-xahar għall-prezz ta’ $840,000.  Dawn il-flus se jintużaw għal skopijiet ta’ karità u skont ix-xewqa tal-Papa, il-parti l-kbira tagħhom se jmorru għal proġetti maħsuba biex jinbnew mill-ġdid il-villaġġi Nsara fil-Pjanura ta’ Nineveh fl-Iraq.
“Il-Papa qatt ma jieqaf juri lill-Insara fl-Iraq li hu qiegħed magħhom. Dan ir-rigal jimliena b’tama kbira u hu sors qawwi ta’ inkoraġġiment għalina! Importanti li aħna nibqgħu hawn u nkomplu bil-ħajja tagħna fl-Iraq biex nagħtu xiehda tal-fidi tagħna u l-valuri tal-Evanġelju”, qal il-Patrijarka.
Il-ħidma tagħna biex nibnu mill-ġdid il-villaġġi Nsara f’Nineveh għamlitha possibbli biex numru kbir ta’ Nsara jirritornaw lejn djarhom. Sal-ewwel ġimgħa ta’ dan ix-xahar kien hemm 8,768 familja li rritornaw lejn Nineveh.  Dan hu aktar minn 45% tad-19,452 familja li kellhom jaħarbu minn djarhom meta l-ISIS invadew dan ir-reġjun f’Awwissu 2014.
“Issa, bl-għotja tal-Papa, nistgħu naħdmu ferm aktar. Minn qalbi nirringrazzja lill-Papa u fl-istess waqt nitlob lil dawk li jistgħu, imqar b’mod żgħir, li jgħinu fl-appoġġ għall-Insara ta’ Nineveh għax dawn huma n-nies li jirrappreżentaw l-għeruq tal-fidi tagħna”, żied jgħid il-Patrijarka.
Fit-12 ta’ Mejju, saru l-elezzjonijiet fl-Iraq. Għalkemm ir-riżultat uffiċjali għad mhux magħruf jidher li Moqtada al-Sadr, kjerku Shiita, li dejjem wera simpatija mal-minoranzi fil-pajjiż, jista’ jkun il-Prim Ministru li jmiss tal-pajjiż iżda wieħed irid jistenna ma’ min se jifforma Gvern. Ftit Iraqqini ħarġu jivvutaw f’dawn l-elezzjonijiet għax il-poplu tilef il-fiduċja tiegħu fil-politiċi.