Il-Papa jagħti inkubaturi lil żewġ sptarijiet

Il-Papa Franġisku jbierek l-inkubaturi qabel jintbagħtu fl-isptarijiet

Il-Papa Franġisku irregala żewġ inkubaturi għal trabi tat-twelid lil żewġ sptarijiet f’Ruma, bħala rigal tal-Milied.  Wieħed minn dawn l-inkubaturi se jintbagħat fl-Etijopja biex ikunu megħjuna trabi tat-twelid f’dak il-pajjiż.

Il-Kardinal Konrad Krajewski, l-Almunier tal-Papa wassal dawn iż-żewġ inkubaturi fil-Vatikan nhar l-Erbgħa filgħodu u tbierku waqt ċerimonja speċjali li għaliha kien preżenti wkoll il-Papa Franġisku.

Wieħed mill-inkubatur ngħata lill-Isptar Fatabenefratelli li fergħa tiegħu tinsab fuq il-gżira Tiber biex issa dan l-isptar għandu tnax il-unit ta’ kura intensiva għal trabi tat-twelid. Fi stqarrija l-isptar qal li jikkura madwar 600 tarbija li jkunu jinħtieġu kura intensiva kull sena u wħud minnhom ikun jinħtieġ li jitpoġġew f’inkubatur għal perjodu ta’ żmien.

Minn dawn it-trabi, madwar 80% jitwieldu qabel iż-żmien u jkunu fraġli ħafna u jkunu jinħtieġu kura speċjalizzata u ħafna mħabba.

Il-Papa Franġisku ta l-inkubatur l-ieħor lill-Isptar tat-Tfal tal-Vatikan  “Bambino Gesu.  Dan ukoll se jintbagħat fi sptar fl-Etijopja bħala parti minn proġett flimkien ma’ tobba mill-organizazzjoni Afrikana CUAMM.

Il-Qdusija Tiegħu ngħata dawn l-inkubatur tat-trabi minn rappreżentanti tal-kumpannija tal-mediċinali BAYER.

Sadattant, nhar il-Ġimgħa, Papa Franġisku ta struzzjonijiet lill-Almunier tiegħu biex jitpoġġa sptar mobbli fi Pjazza San Pietru għal dawk li m’għandhomx saqaf fuq rashom u li fix-xhur tax-xitwa jfittxu kenn mill-ksieħ fl-inħawi tal-Vatikan.