Il-Papa jagħmel Pizza Party għal tfal morda f’għeluq sninu

Il-Papa Franġisku ċċelebra għeluq il-81 sena tiegħu b’pizza party għal tfal morda li organizza nhar il-Ħadd li għadda, fejn irrifletta dwar il-ferħ tat-tfal u l-importanza li dawn ikunu mrobbija fil-fidi.
“Il-ferħ tat-tfal hu teżor u aħna għandna nagħmlu minn kollox biex nassiguraw li t-tfal jibqgħu dejjem ferħana. L-ispirtu ferrieħi hu bħal art għammiela li fiha tikber il-ħajja u tagħti l-frott”, qal il-Papa fil-laqgħa li kellu mat-tfal li qed jingħtaw kura fil-Klinika tat-Tfal f’Santa Martha.
Hu inkoraġixxa lit-tfal biex jitkellmu man-nanniet tagħhom. “In-nanniet għandhom tifkiriet u għeruq sodi u huma n-nanniet li jagħtu għeruq sodi lit-tfal”, qal il-Papa.
Hu appella biex it-tfal ma jinqalgħux mill-ambjent fejn trabbew għax inkella jitilfu l-memorja tal-poplu tagħhom, jinsew il-fidi u jinsew il-ħafna affarijiet sbieħ li sawru l-istorja u  ma jibqgħux jiftakru fil-valuri li għaddewlhom il-ġenituri u n-nanniet tagħhom.
Min jista’ jgħin lit-tfal iżommu dawn l-affarijiet jekk mhux in-nanniet li tant iħobbu lin-neputijiet tagħhom, qal il-Papa.
Hu appella lill-ġenituri biex jgħallmu lil uliedhom jitkellmu ma’ Alla. “Ngħallmuhom jitolbu, u jgħidu dak li jħossu f’qalbhom.  Hu sabiħ li nitkellmu man-nanniet, mal-anzjani u ma' Alla”.
Il-Papa nkoraġixxa lit-tfal biex jieklu l-pizza ħalli jikbru. Flimkien mat-tfal qal Ave Maria u poġġa magħhom jiekol il-pizza.