Il-Papa jafda lill-Arċisqof Scicluna b’missjoni importanti oħra

Il-Papa Franġisku għal darba oħra qed jafda lill-Arċisqof Charles Scicluna b’missjoni importanti u delikata.
Komunikat maħruġ mill-Vatikan illum jgħid li l-Papa ħatar lill-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna, biex imur iċ-Ċilì, sabiex hemmhekk jisma' lil dawk li wrew ix-xewqa li jagħtu informazzjoni dwar l-Isqof ta' Osorno, Juan de la Cruz Barros Madrid. Hu maħsub li dan jirreferi għal allegazzjonijiet li qed jorbtu lil Barros ma' każi ta' abbużi fuq minorenni. 
Dan minħabba li minbarra l-missjoni li għandu fl-Arċidjoċesi ta' Malta, l-Arċisqof Scicluna huwa wkoll il-President tal-Kulleġġ li jeżamina r-Rikorsi ppreżentati lill-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, fi ħwejjeġ li għandhom x'jaqsmu ma' reati serji ħafna fil-ħajja tal-Knisja, l-hekk imsejħa Delicta Graviora (Reati iktar serji).
Għalkemm għalissa ma jidhirx li hemm xi provi li l-Isqof Barros wettaq dawn l-atti hu nnifsu, uħud mill-vittmi qed jallegaw li kien xhud tal-abbużi meta ġew imwettqa minn saċerdot ieħor li tiegħu Barros kien qrib ħafna. 
Aktar kmieni dan ix-xahar, fi triqtu miċ-Ċilì lejn il-Perù, il-Papa wieġeb għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti. Dakinhar kien wieġeb li l-Isqof Barros kien se jibqa' fid-Djoċesi ta' Osorno, għax ma kien hemm ebda prova kredibbli kontrih. Saħaq li jitkellem meta jara prova kontrih.
Fiż-żjara tiegħu fiċ-Ċilì, il-Papa ltaqa' ma' persuni li kienu abbużati u li akkużaw lill-Isqof Barros li baqa' sieket wara li ra lil Dun Fernando Karadima, jabbuża minn minuri. Is-saċerdot kien instab ħati mill-Vatikan u kkundannat għal għomru għal ħajja ta' talb u penitenza.

Din mhix l-ewwel darba, li l-Arċisqof Scicluna ngħata missjoni simili. Fl-2005, Mons. Scicluna kien intbagħat il-Messiku, ukoll biex jinvestiga allegati każi ta' abbuż sesswali minn membru prominenti tal-Kleru.
Ritratt: Ian Noel Pace