Il-Papa jaċċetta l-istedina tal-Luterani

Il-Papa Franġisku aċċetta li jieħu sehem f’ċerimonja konġunta, bejn il-Knisja Kattolika u l-Federazzjoni Dinjija Luterana, qabel jitfakkar il-500 anniversarju tar-Riformazzjoni.
Iċ-ċerimonja se ssir fl-Iżvezja fl-aħħar t’Ottubru u se sservi biex turi r-rabtiet b’saħħithom bejn il-Kattoliċi u l-Luterani wara proċess ta’ djalogu.
Matul iċ-ċerimonja se jingħad talb komuni skont il-gwida liturġika li ġiet ippubblikata għall-Kattoliċi u l-Luterani dan l-aħħar.
Skont is-Segretarju Ġenerali tal-fondazzjoni tal-Luterani, ir-rikonċiljazzjoni bejn iż-żewġ friegħi tar-reliġjon Nisranija tfisser ħidma lejn ġustizzja u paċi fid-dinja.
Il-Kardinal Koch, li jmexxi l-Kunsill Pontifiċju għall-Unità fost l-Insara, spjega li ċ-ċerimonja se żżomm, fiċ-ċentru tagħha, is-sens qawwi ta’ fidi fi Kristu msallab u li qam mill-imwiet.
Is-sena d-dieħla jaħbat ukoll il-50 anniversarju mill-bidu tad-djalogu bejn il-Kattoliċi u l-Luterani.