Il-Papa: Ix-xogħol li jagħti d-dinjità lill-bniedem mhux il-flus

Papa Franġisku jżur fabbrika u jiltaqa' mal-ħaddiema

“Ebda attività ma ssir weħidha jew awtononimament. Wara kull attività ekonomika hemm persuna umana. Din tista’ tibqa’ anonima, iżda ma hemm ebda attività li ma toriġinax mill-bniedm.

Iċ-ċentralità tal-attività finanzjarja minflok il-vera ekonomija, m’hix xi ħaġa aċċidentali: warajha hemm l-għażla ta’ xi ħadd li żbaljatament jemmen li bil-flus tista’ tagħmel il-flus. Iżda l-flus vera, jiġu mix-xogħol. Hi x-xogħol li jagħti d-dinjità lill-bniedem, mhux il-flus.”

Il-Papa Franġisku seħaq fuq dan il-punt f’intervista li ta lill-ġurnal Taljan “Il Sole 24 Ore”.

“Il-qgħad li naraw f’diversi pajjiżi Ewropej hu riżultat ta’ sistema ekonomika li m’hix kapaċi toħloq ix-xogħol, għax poġġiet idolu msejjaħ ‘flus’ fiċ-ċentru tagħha.

“It-tqassim tal-ġid maħluq u l-parteċipazzjoni tal-poplu f’dan il-ġid, l-integrazzjoni ta’ kumpanniji fiż-żoni tagħhom; ir-responsabbiltà soċjali; ir-rispett lejn l-ambjent; l-għarfien li l-bniedem hu aktar importanti mill-magni; paga ġusta u l-innovazzjoni – dawn kollha huma elementi mportanti li jżommu ħajja d-dimenzjoni komunitarja ta’ kumpannija,” spjega l-Papa.

“Meta ma nirriduċuhiex għal sempliċi ħaġa teknika, l-ekonomija dinjija, mhux biss taf kif (permezz tal-ħiliet), imma wkoll taf għaliex. Għalhekk, ekonomija b’saħħitha qatt ma tista’ tkun separata mit-tifsira tal-prodott”, żied il-Papa, kull attività ekonomika dejjem hi ħaġa etika.

“Għalhekk li nżommu flimkien l-azzjonijiet u r-responsabbiltajiet, il-ġustizzja u l-profit, il-ħolqien tal-ġid u kif jitqassam, l-effiċjenza wkonomika u r-rispett lejn l-ambjent, isiru elementi kruċjali għall-ħajja tal-kumpannija”, qal il-Papa lill-ġurnalist li ntervistah.