Il-Papa irid relazzjonijiet tajba mal-Islam

Ġiżwita Eġizzjan li hu espert fuq l-Islam qal li fost l-iskopijiet taż-żjara li Papa Franġisku għamel fl-Eġittu  fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet kien hemm dak li jsaħħaħ relazzjonijiet mal-Universita Al Azhar li hi rispettata ħafna fost il-Musulmani Sunni madwar id-dinja kollha.
Patri Samir Khalil Samir qal li l-Papa Franġisku kien qallu personalment ftit xhur ilu f’diskursata li kellhom flimkien, li xtaq li jerġa’ jinseġ ir-rabtiet bejn il-Vatikan u l-Islam. Il-Papa jinsisti li l-Islam hi reliġjon tal-paċi u hemm bżonn li l-Knisja jerġa’ jkollha ħbiberija mal-Musulmani u l-Universita’ al-Azhar.
Meta sitt snin ilu fil-Milied kien hemm attakk fuq il-Knisja tal-Kopti f’Lixandra xi ħadd kien sploda lilu nnifsu u kien hemm ħafna nies li mietu.  Ftit jiem wara dak l-attakk, il-Papa Benedittu XVI, f’laqgħa mal-Ambaxxaturi tas-Santa Sede kien appella lill-President Eġizzjan biex jipproteġi lill-insara. B’reazzjoni għal din is-sejħa, l-Imam Ahmed el-Tayeb, Rettur tal-Universita’, kien iddikjara li ma kienx aċċettabbli li l-Papa jindaħal fil-politika Eġizzjana, u qata’ r-relazzjonijiet mal-Vatikan.
Illum, wara diversi tentattivi li fallew, ir-relazzjonijiet bejn il-Vatikan u l-Universita’ reġgħu bdew. Il-Papa kellu skop ewlieni li jerġa’ jiftaħ relazzjonijiet mal-Islam u b’mod partikolari mal-Universita’ el-Azhar li tirrappreżenta il-maġġoranza tal-Musulmani Sunni madwar id-dinja li jammontaw għal 80% tal-misilimin kollha.
L-Islam hu t-tieni l-akbar reliġjon fid-dinja b’1.5 biljun Musulman li jinsabu kważi f’kull pajjiż tad-dinja.  L-Islam, bħall-Kristjaneżmu u l-Ġudaiżmu hu reliġjon monoteistika u allura hemm bżonn li l-Kattoliċi jidħlu fi djaloġu mal-Musulmani.  Din m’hix kwestjoni politika imma li jsir sforz biex nifhmu lil xulxin.
Patri Khalil Samir isostni li l-Musulmani stess ma jridux li fil-Lvant Nofsani ma jibqax Kristjani tant li riċentement kien hemm sensiela ta’ programme fuq radju Eġizzjan dwar l-iskejjel Kristjani li edukaw lill-inteligentia tal-pajjiż fis-sekli 19 u 20. Bħalissa ħafna nsara qed jitilqu minn dan ir-reġjun minħabba l-ISIS.  Imma dawn huma fanatiċi.  Il-Musulmani fil-maġġoranza tagħhom m’humiex fanatiċi imma jibżgħu huma wkoll mit-terroristi tal-ISIS.