Il-Papa iqis Imħallef maqtul mill-Mafia bħala mudell għall-ġuristi

Il-Papa jiltaqa' ma' membri taċ-Centro Studi Rosario Livatino. (Vatican Media)

Nhar il-Ġimgħa li għadda l-Papa Franġisku laqa’ f’udjenza grupp ta’ avukati, mħallfin, maġistrati, nutara, professuri tal-liġi u akkademiċi oħra membri taċ-Ċentro Studi Rosario Livantino, li ħadu dan l-isem minn Maġistrat Taljan li fl-1990 kien inqatel mill-Mafia u li bħalissa hemm għaddejja l-kawża għall-beatifikazzjoni tiegħu.

“Livantino hu eżempju mhux biss għall-maġistrati u l-imħallfin imma għal dawk kollha li jaħdmu fil-qasam tal-liġi, għall-koerenza li hemm bejn il-fidi tiegħu u l-impenn għax-xogħol u għar-rilevanza tar-riflessjonijiet tiegħu”. Dan qalu l-Papa lill-imsemmi gruppi ta’ nies mill-qasam legali li ltaqgħu f’ġkonferenza bit-tema: Il-Ġustizzja fi Kriżi – It-triq biex nirbħuha lura”.

Martri tal-ġustizzja u l-fidi

Il-Papa Franġisku fakkar li l-predeċessur tiegħu San Ġwanni Pawlu II, fid-9 ta’ Mejju 1993 kien iltaqa’ mal-ġenituri tal-Maġistrat Livantino li kien inqatel meta kellu biss 38 sena waqt li kien sejjer lejn it-Tribunal u f’dik l-okkażżjoni kien sejjaħlu “martri tal-ġustizzja u indirettament tal-fidi”.

Il-Papa qal li l-mafia ħelset minnu għax kien qed jaħdem u jiġġudika u jikkonfiska l-proprjetà li kisbu b’mod illegali.

Il-Papa tkellem dwar dak li kien jemmen u jirrifletti l-maħistrat Livantino fuq kestjonijietdwar il-ħajja, l-ewtanasja, id-dinjità umana, ‘drittijiet ġodda’, il-ġustizzja u r-relazzjoni tal-bniedem ma’ Alla.

Dwar dawk li jamministraw il-ġustizzja Livantino kien jgħid li dawn m’huma xejn ħlief impjegati tal-Istat, inkarigati biex japplikaw il-liġijiet li tagħmel is-soċjetà.

L-ewtanasja

Dwar proposta ta’ liġi fuq l-ewtanasja, Livantino kien isostni li l-oppożizzjoni ta’ min jemmen għal din il-liġi hi bażata fuq il-konvinzjoni li l-ħajja hi rigal minn Alla li l-bniedem ma għandux permezz iwaqqaf.  Anke dawk li ma jemmnux huma kontra liġi bħal din għax iqisu li l-ħajja għandha l-protezzjoni tal-liġi naturali.

Il-Papa lmenta li d-diċiżjonijiet li jingħataw mill-Qrati huma ‘l bogħod minn dawn il-kunsiderazzjoni ta’ Livantino u fl-Italja, pajjiż demokratiku u f’diversi demokraziji oħra, id-dritt għall-ħajja mhux kunsidrat fl-istess dawl. Dawn is-sentenzi jiddeċiedu dwar mewt jew waqfien tal-kura, skont liġijiet li vvintaw it-terminu “dritt li tmut”.

Drittijiet ġodda

Papa Franġisku tkellem dwar ir-rilevanza ta’  Livantino li ra minn ħafna qabel kif se jkun ġustifikat l-indħil tal-ġudikanti f’oqsma li ma jappartjenux il-kompetenza tagħhom, speċjalment fejn jidħlu l-hekk imsejjħa “drittijiet ġodda” li jissodisfaw xewqat moderni mingħajr ebda kunsiderazzjoni jew oġġettività.

Livantino hu xhud ukoll ta’ kemm hemm bżonn għerf u umiltà fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja fir-rispett tad-dinjità umana.

Il-Papa qal li b’dawn il-konvinzjonijiet li kellu l-Maġistrat Livantino ħallielna eżempju sabiħ ta’ kif il-fidi tista’ tesprimi ruħha fis-serviss tal-komunità u l-liġijiet tagħha; u kif l-ubbidjenza  lejn il-Knisja tista’ tintrabat mal-ubbidjenza għall-Istat, speċjalment fil-ministeru delikat u importanti tal-infurzar u l-applikazzjoni tal-liġi.