Il-Papa ilu snin jappoġġja l-unjoni ċivili – NCR

Read in English.

Mat-tnedija tad-dokumentarju Francesco ta’ Evgeny Afineevsky, ħarġet storja li ma kinitx ġdida wisq, dik dwar kif jaħsibha il-Papa Franġisku fuq unjoni ċivili bejn nies tal-istess sess. Filwaqt li din l-istorja ġiet rappurtata bħala waħda ġdida, għadd ta’ siti tal-aħbarijiet Kattoliċi nnutaw li huwa ilu li għamel il-pożizzjoni tiegħu fuq dan is-suġġett ċara. Il-Papa tkellem fuq dan is-suġġett tal-anqas darbtejn minn meta sar Papa wkoll.

Is-sit National Catholic Reporter kellu artiklu bit-titlu: “Not news: Pope Francis has supported civil unions for years.” The Tablet, sit tal-aħbarijiet Ingliż kellu artiklu bit-titlu: “Pope Francis Has History of Defending Marriage, but Being Open to Some Civil Unions”.

Referenzi għas-suġġett kemm ilu Papa

Waqt il-pontifikat tiegħu, Franġisku indirizza s-suġġett tal-anqas darbtejn.

Is-soċjologu Franċiż Dominique Wolton fl-2017 kien ippubblika l-ktieb A Future of Faith: The Path of Change in Politics and Society, li jinkludi diversi konverżazzjonijiet tiegħu mal-Papa.

Fih, il-Papa jgħid li l-kelma “żwieġ” hi kelma storika. Jispjega li ż-żwieġ minn dejjem kien bejn mara u raġel, mhux fil-Knisja biss, allura jippreferi li żwieġ bejn persuni tal-istess sess isejjaħlu “unjoni ċivili.”

Fl-2014, imbagħad, waqt intervista ma’ Corriere della Sera, bi tweġiba għall-mistoqsijiet tal-gazzetta fuq il-legalizzazzjoni taż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess jew il-liġijiet ta’ unjoni ċivili, il-Papa kien qal l-istess kliem, li ż-żwieġ hu bejn raġel u mara.

Spjega li postijiet sekulari jridu jivvalidaw l-unjonijiet ċivili biex jirregolaw sitwazzjonijiet differenti bejn kopji, minħabba l-ħtieġa li jiġu regolati aspetti ekonomiċi bejn in-nies, pereżempju fejn jidħlu l-ispejjeż tas-servizzi tas-saħħa. Issokta jgħid li hemm ftehimiet ta’ koabitazzjoni ta’ diversi tipi, iżda huwa meħtieġ li wieħed jara l-każijiet differenti u jevalwahom fil-varjetà tagħhom.

The Tablet u oħrajn qiesu dan il-kumment bħala implikazzjoni li xi forom ta’ unjoni ċivili huma aċċettabbli.

Minn meta kien kardinal fi Buenos Aires…

Diversi siti Kattoliċi nnutaw li meta l-Papa Franġisku kien kardinal fi Buenos Aires, huwa appoġġja l-unjoni ċivili tal-persuni omosesswali bħala mod legali kif tiġi evitata d-diskriminazzjoni. Hu oġġezzjona għaż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess u rrefera għal dan bħala “rigress antropoloġiku.”

Il-magazin America elabora li qabel ma nħatar papa, Franġisku serva bħala arċisqof ta’ Buenos Aires, u f’dak l-irwol kien jadvoka għall-unjonijiet ċivili bejn persuni tal-istess sess, biex ma tgħaddix liġi għal żwieġ bejn nies tal-istess sess.

L-Arġentina legalizzat iż-żwieġ bejn nies tal-istess sess fl-2010, li l-kardinal ta’ dak iż-żmien Jorge Bergoglio kien sejjaħlu “attakk distruttiv fuq il-pjan t’Alla.” Imma waqt laqgħat ma’ isqfijiet Arġentini oħra, il-Kardinal Bergoglio kien jinkoraġġihom juru sapport għall-unjonijiet ċivili bħala mod kif iż-żwieġ jinżamm eterosesswali.

Il-Papa Franġisku magħruf li jaqbeż għaż-żwieġ imma ma jeskludix l-unjonijiet ċivili – The Tablet

Il-magazin Kattoliku The Tablet qal li l-Papa Franġisku hu magħruf għad-difiża tiegħu taż-żwieġ tul is-snin, imma li hu miftuħ għall-unjonijiet ċivili. Il-kummenti tiegħu fil-film Francesco qed jitqiesu simili għall-pożizzjoni li ħa meta kien arċisqof fi Buenos Aires.

The Tablet ikkwota kumment li għadda tul il-pontifikat tiegħu, li ż-żwieġ hu bejn raġel u mara, imma li l-liġijiet tal-unjoni ċivili jistgħu jipprovdu lill-koppji bi protezzjoni legali f’każ ta’ relazzjonijiet twal u ta’ rabta serja.

Fil-film, fejn hu jitkellem bl-Ispanjol, il-Papa Franġisku jgħid li n-nies omosesswali għandhom dritt ikollhom familja. Jistqarr li huma wlied Alla u ħadd m’għandu jintrema jew ħajtu ssirlu miżerja għax hu omosesswali. Franġisku jinsisti li trid tinħoloq liġi għall-unjoni ċivili biex huma jkunu koperti legalment.

Dan ma jfissirx li l-kummenti tal-Papa f’dan id-dokumentarju m’għandhomx sinifikat. Fr James Martin, il-qassis Ġiżwita li jaħdem biex joħloq pont mal-omosesswali fil-Knisja, faħħar il-kummenti tal-Papa u qal li huma pass ‘il quddiem fis-sapport li l-Knisja turi lin-nies tal-komunità LGBT.

Qal ukoll li l-fatt li l-Papa tkellem b’mod pożittiv fuq l-unjoni ċivili jwassal messaġġ qawwi f’postijiet fejn il-Knisja opponiet dawn il-liġijiet.

Id-dritt ta’ kulħadd għal familja

Il-Papa Franġisku qal ripetutament fil-pubbliku li l-ġenituri m’għandhomx jaqtgħu l-kuntatt ma’ xi wild tagħhom li hu omosesswali. Hu tkellem diversi drabi fuq id-dritt ta’ kulħadd li jkollu familja.

The Tablet irrapporta intervista fuq stazzjon Messikan li saret fl-2019 li fiha l-Papa ġie mistoqsi fuq l-oġġezzjoni tiegħu għaż-żwieġ omosesswali fl-Arġentina, u mbagħad għal kemm jilqa’ lin-nies LGBT bħala Papa. “Dejjem iddefendejtha d-duttrina,” qal il-Papa. “Hi kontradizzjoni li titkellem dwar iż-żwieġ omosesswali.”