Il-Papa jħabbar li Ġwanni Pawlu II u Ġwanni XXIII se jiġu dikjarati qaddisin fis-27 t’April

Kif kien indikat, il-Papa Franġisku dalgħodu kkonferma li fis-27 ta’ April tas-sena d-dieħla, il-Papa Ġwanni Pawlu II u Papa Ġwanni XXIII se jiġu kanonizzati. 

Il-Papa Franġisku ħabbar dan fl-10 ta’ dalgħodu, fis-Sala tal-Konċistorju tal-Vatikan.

Fis-27 ta’ April tal-2014, il-Knisja Kattolika madwar id-dinja se tkun qed tiċċelebra l-Ħadd tal-Ħniena Divina, ġimgħa wara l-Għid il-Kbir. 

Biex issir qaddis, il-Knisja tesiġi li tapprova żewġ mirakli wara l-beatifikazzjoni. 

L-ewwel miraklu li sar bl-interċessjoni ta' Ġwanni Pawlu II sar sitt xhur wara mewtu, fuq soru Franċiża li kellha l-kundizzjoni tal-Parkinsons. It-tieni miraklu sar fuq mara mill-Costa Rica li fieqet minnufih mill-marda li kellha f’rasha. Jidher li dan il-miraklu sar ftit sigħat wara li Papa Ġwanni Pawlu II sar Beatu. Wara dan il-miraklu, jidher li l-familja tal-mara reġgħet resqet viċin il-Fidi.

Bl-interċessjoni ta' Ġwanni XXIII fieqet soru Taljana li kellha emoraġija interna. Il-kanonizzazzjoni ta' Ġwanni XXIII ġiet approvata minkejja li għad mhemmx it-tieni miraklu.  Patri Federico Lombardi qal li dan ifisser li għal Papa Franġisku hu biżżejjed miraklu wieħed.