“Il-Papa hu kuraġġuż għax ftit nies fil-poter iċedu posthom” – President Abela

Il-President ta’ Malta Dr George Abela, kien wieħed mill-ħafna li nħasad malli sema’ bl-aħbar tar-riżenja tal-Papa Benedittu XVI.

Intervistat minn Newsbook, il-President Abela iddeskriva lill-Papa bħala kuraġġuż għaliex ma tantx hemm nies fil-poter li lesti jċedu posthom.

Bi tbissima, Dr Abela ftakar fiż-żjara li l-Papa Benedittu għamel f’April 2010 meta malli wasal f’Malta, u sema l-banda ddoqq l-Innu Malti, dar fuq il-President u beda jistaqsih itkar dettalji dwar l-Innu.

Intant, kienu bosta l-mexxejja politiċi tad-dinja li kkumentaw dwar din id-deċiżjoni.

Giorgio Napolitano: President tal-Italja: Iddeskriva d-deċiżjoni tal-Papa Benedittu bħala “kuraġġuża u responsabbli”.

Barack Obama, President tal-Istati Uniti tal-Amerika: Irringrazzjah tal-ħidma flimkien u awgura lill-kardinali li se jkunu qed jagħżlu s-suċċessur tiegħu.

Angela Merkel, Kanċillier tal-Ġermanja: ddeskriviet lill-Papa Benedittu bħala wieħed mill-ikbar ħassieba reliġjużi ta’ dawn iż-żminijiet. Qalet li għaraf l-importanza tad-djalogu u saħħaħ ir-relazzjoni mal-Knisja Ortodossa u ħa b’idejn il-Lhud u l-Musulamani.

Francois Hollande, President ta’ Franza: Qal biss li jirrispetta d-deċiżjoni tal-Papa u ma jridx jgħaddi iktar kummenti dwar kwistjonijiet marbuta mal-Knisja.

Herman Van Rompuy, President tal-Unjoni Ewropea: Fi tweet qal li l-pontifikat tal-Papa kien qasir imma diffiċli. Ammirah tad-deċiżjoni li ħa u li tmur kontra t-tradizzjoni tal-Knisja.

Ir-Rabbi tal-Iżrael: Qal li f’dawn it-tminn snin il-Knisja Kattolika kellha relazzjoni tajba mal-Lhud. Jittama li din tibqa’ hemm.

Ritratti: Daniel Balzan