Il-Papa Ġwanni Pawlu t-Tieni influencer

100 sena ilu, fil-Polonja, twieled Karol Wojtyła

100 sena ilu, fil-Polonja, twieled Karol Wojtyła. Dak li xtaq isir attur u filosfu sar qassis, arċisqof, kardinal, Papa u fuq kollox komunikatur b’saħħtu u mexxej influwenti mad-dinja kollha. Kieku llum konna nsejħulu influencer. 

Bla dubju li San Ġwanni Pawlu II ħalla impatt qawwi mhux biss fuq il-ħajja tal-Knisja Universali imma wkoll fuq ir-realtà ġeopolitika ta’ żmienu. Ħafna jqisu li l-ħidma tiegħu kienet kruċjali biex il-ħajt ta’ Berlin jaqa’, biex tiċċarrat il-purtiera tal-ħadid u jinżel is-siparju fuq l-Unjoni Sovjetika. 

Għamel dan billi qanqal ġenerazzjonijiet sħaħ biex isemmgħu leħinhom kontra sistema li riedet issikket u tittimbra bħala tradituri tal-poplu lil min kien jikkritikaha. 

Is-saħħa tal-preżenza tiegħu bħala Papa bejn l-1978 u l-2005 biddlet l-attitudnijiet fil-konfront tal-knisja li fis-snin ta’ qabel kienet għaddejja minn mumenti ta’ bidla kbira u li kienet tilfet il-grinta u l-kapaċità li tqanqal il-qlub. 

Il-wiċċ żagħżugħ, il-vuċi b’saħħitha, il-figura imponenti u l-kapaċità kbira għall-komunikazzjoni ta’ dan ir-raġel Slav, l-ewwel papa mhux Taljan f’sekli sħaħ, biddel il-wiċċ u l-immaġni tal-Knisja. F’daqqa waħda n-novità ta’ dan kollu qajmet il-widnejn ta’ min qabel ma kienx jinteressah jisma’. 

Iftħu beraħ il-bibien 

Il-Knisja li kienet qiegħda tiġi sfurzata tingħalaq fiha nnifisha issa bħala mexxej tagħha kellha bniedem li jrid jiftaħ il-bibien. Din hi forsi waħda minn dawk il-frażijiet l-aktar magħrufa ta’ Ġwanni Pawlu II. Parti mid-diskors tiegħu fil-bidu uffiċjali tal-Pontifikat fl-1978, “Tibżgħux, iftħu, anzi iftħu beraħ il-bibien għal Kristu” ħadet tifsira doppja. 

Nhar it-22 ta’ Ottubru 1978, waqt l-Omelija fil-bidu tal-pontifikat fejn tkellem fuq iċ-ċentralità ta’ Kristu fil-ħajja tan-nisrani imma wkoll fuq il-Polonja bħala pajjiż marbut mal-Knisja Kattolika, Ġwanni Pawlu II qal: “Iftħu beraħ il-bibien għall-Kristu, iftħu l-konfini tal-pajjiżi, is-sistemi ekonomiċi, u dawk politiċi, il-kultura, iċ-ċiviltà u l-iżvilupp,” saħħaħ ftit leħnu u reġa’ qal: “la tibżgħux!” 

Messaġġ mhux biss reliġjuż li jinfluwenza l-fidi tal-persuna, imma messaġġ li kellu jinfluwenza b’mod determinanti l-ħajja tal-Ewropa u tad-dinja. In-nisrani mhux imsejjaħ jgħix il-fidi fil-vakum, imma fir-realtà ta’ kuljum. 

In-nisrani mistenni jiftaħ il-bibien ta’ qalbu għal Kristu, biex din tkun żerriegħa li tibdel is-soċjetà. Ġwanni Pawlu II din kien jafa u għexa u ħeġġeġ lil kulħadd biex b’kuraġġ u tama jinfetħu l-bibien beraħ.