Il-Papa għammed 27 tarbija f’jum il-Magħmudija tal-Mulej

Papa Franġisku jgħammed tewmmin fil-Kappella Sistina. (AP Photo/L'Osservatore Romano, pool)

Fl-okkażżjoni tal-Festa tal-Magħmudija tal-Mulej ċelebrata l-Ħadd li għadd, il-Papa Franġisku għammed 27 tarbija waqt quddiesa li saret fil-Kappella Sistina fil-Vatikan. It-trabi kienu 12 il-tifel u 15-il tifla.

Waqt l-omelija tal-quddiesa, li l-aġenzija tal-aħbarijiet “Zenit” ippubblikat partijiet minnha, il-Papa fakkar lill-ġenituri fl-importanza tar-responsabbiltà  li huma jgħaddu l-fidi lil uliedhom.

Dwar il-biki tat-trabi miġbura fil-kappella, il-Papa qal li jaf li ħafna trabi jkuni bil-ġuħ u għalhekk qal lill-ommijiet biex iħossuhom liberi li jieħdu ħsieb il-bżonnijiet ta’ uliedhom kif jagħmlub’mod normali.

“Fil-bidu ta’ din iċ-ċerimonja staqsejnikom ‘xi tridu għal uliedkom?’ Intom weġibtu li tridu “l-fidi”. Intom qed titolbu lill-Knisja il-fidi għal uliedkom. Illum dawn se jirċievu l-Ispirtu s-Santu, u r-rigal tal-fidi f’qalbhom u fl-ispirtu tagħhom.

“Din il-fidi trid tikber u tiżviluppa. Xi ħadd jista’ jgħid: ‘iva, iva, iridu jistudjawha. Issa meta jibdew imorru l-katekiżmu, il-fidi jistudjawha sew u jitgħallmuha’. Iżda qabel jistudjaw il-fidi, din trid tkun mgħoddija lilhom, u dan hu xogħlkom.  Din hi biċċa xogħol tagħkom: li tgħaddu l-fidi lil uliedkom.  Dan tagħmluh fid-dar għax il-fidi rridu nittrasmettuha bid-djalett, tal-familja, fid-dar.

“Xogħlkom hu li tgħaddu l-fidi bl-eżempju, bil-kliem, billi tgħallmu lil uliedkom jagħmlu s-Sinjal tas-Salib. Dan hu mportanti. Hawn ħafna tfal li anqas jafu jroddu s-Salib. L-importanti hu li tgħaddu l-fidi lil uliedkom bil-ħajja ta’ fidi tagħkom, turuhom l-imħabba bejn il-miżżewġin, il-paċi tad-dar, ħalluhom jaraw li Ġesù qiegħed hemm.

“Ippermettuli nagħtikom ftit pariri: Skużawni, imma nagħtikom parir biex qatt ma targumentaw quddiem it-tfal. Qatt. Hi ħaġa normali li l-miżżewġin jitlewwmu. Normali ħafna. Tkun ħaġa stramba jekk qatt ma tiġġieldu. Iżda għamlu dan meta t-tfal ma jisimgħukomx, meta ma jarawkomx. Ma tafux xi dwejjaq jesperjenza tfal meta jisimgħu l-ġenituri tagħhom jitlewwmu. Nagħtikom dan il-parir li jgħinkom tgħaddu l-fidi lil uliedkom.

“Issa ejja nkomplu bir-rit tal-magħmudija. Żommu f’moħħkom li xogħlkom hu li tgħaddu l-fidi lil uliedkom, fid-dar, għax hemm titgħallem il-fidi u mbagħad tistudjaha meta tmur għal-lezzjonijiet tal-katekiżmu.

“Iżda qabel inkomplu rrid ngħid ħaġ’ oħra: it-trabi llum isibu ruħhom f’ambjent stramb. Aktarx se jħossu s-sħana, libbistuhom iżżejjed. U se jibku għax qed iħossu s-sħana.

“Jafu jibku wkoll għax ikunu bil-ġuħ. It-tielet tip ta’ biki hu biki preventiv. Xejn speċjali. Ma jafux x’inhu jiġri. U wieħed jibda jibki. U jibdew jibku l-oħrajn. Ikunu qed jiddefendu lilhom infushom. L-importanti hu li jħossuhom komdi. Attenti biex ma ssaħnuhomx iżżejjed.

“Jekk jibku għax huma bil-ġuħ, ħudu ħsiebhom.  Lill-ommijiet ngħidilhom biex ma jiddejqux jieħdu ħsieb li uliedhom ikunu trankwilli. Il-Muelj hekk irid, fejn dawn iħossu ruħhom fil-periklu, jibku flimkien. Jibda wieħed u jkompli ieħor, u oħra. Imbagħad ikollba kor ta’ biki, Tiddejqu xejn”, qal il-Papa Franġisku.