Il-Papa għal Għawdex bil-katamaran

Katamaran Virtu Ferries Mġarr Gozo
Ritratt: Michael Sultana

Read in English.

Katamaran tal-Virtu Ferries dalgħodu daħlet fil-Port tal-Imġarr f’Għawdex bi prova, biex ikun aċċertat li l-katamaran San Ġwanni Pawlu t-Tieni jkun jista’ jittrakka fit-30 ta’ Mejju li ġej. Dan sabiex iwassal lill-Papa Franġisku mill-Port il-Kbir għal Għawdex.

Bħalissa f’Malta hawn delegazzjoni mill-Vatikan magħmula minn uffiċjali tal-Gendarmeria Vaticana u l-Gwardji Żvizzeri. L-għan ta’ din id-delegazzjoni hi li tiġi aċċertata s-sigurtà tal-Papa waqt iż-żjara.

Minn ħelikopter għal katamaran?

Newsbook.com.mt jinsab infurmat li oriġinarjament il-pjan kien li l-Papa jivvjaġġa bejn iż-żewġ gżejjer permezz ta’ ħelikopter tal-Forzi Armati ta’ Malta. Madanakollu f’laqgħat mad-delegazzjoni tal-Gvern, li għalihom kien hemm preżenti wkoll il-FAM, irriżultaw kwistjonijiet loġistiċi. Is-sorsi spjegaw li dan minħabba li l-Armata għandha żewġ ħelikopters, b’wieħed standby f’każ ta’ emerġenza. Barra minn hekk dawn il-ħelikopters ma jesgħux l-għadd ta’ persuni li jkollu miegħu l-Papa.

Se jqatta’ iktar ħin f’Għawdex?

Dan iwassal għal tibdil fil-programm taż-żjara tal-Papa Franġisku f’Malta. Minn informazzjoni li kiseb Newsbook.com.mt, il-Papa mistenni jasal Malta s-Sibt 30 ta’ Mejju fit-3pm, fejn mill-ajruport jibqa’ sejjer il-Palazz tal-President fil-Belt Valletta. Issa hu propost li jmur il-Port il-Kbir biex jaqbad il-katamaran għal Għawdex.

Din il-possibilità qed twassal biex iċ-ċelebrazzjoni li se ssir Għawdex ġiet estiża għal iktar minn siegħa u kwart. Oriġinarjament il-funzjoni kienet se tkun ta’ madwar 40 minuta.  

Meta jkun fis-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu, il-Papa mistenni jżejjen l-inkwadru tal-Madonna b’warda tad-deheb.

Mis-Santwarju Ta’ Pinu, Franġisku se jitwassal lura fil-Port tal-Imġarr, biex l-istess katamaran twasslu ċ-Ċirkewwa. Miċ-Ċirkewwa mbagħad jittieħed in-Nunzjatura Appostolika fir-Rabat fejn mistenni jqatta’ l-lejl.

L-għada mbagħad il-Papa jiċċelebra Quddiesa fuq il-Fosos tal-Furjana u jżur il-Grotta ta’ San Pawl.

Newsbook.com.mt jista’ jikkonferma wkoll li qabel iħalli Malta għal Ruma, il-Papa se jżur il-Laboratorju tal-Paċi fejn se jiltaqa’ ma’ grupp ta’ immigranti.