Il-Papa f’sogħba għall-attakki terroristiċi f’Quebec City

Il-Papa Franġisku esprima s-sogħba tiegħu għall-attakki tal-bieraħ filgħaxija fuq il-moskea ta’ Quebec City, meta dalgħodu wara l-Quddiesa f’Santa Marta ltaqa’ mal-Kardinal Gérald Cyprien LaCroix, l-Arċisqof tal-kapitali Kanadiża.
Waqt li wiegħed it-talb tiegħu għall-vittmi, il-Papa saħaq fuq l-importanza li Nsara u Musulmani jingħaqdu flimkien fit-talb.
Wara l-laqgħa tiegħu mal-Papa, il-Primat tal-Kanada reġa’ dritt lura lejn pajjiżu.
Sadattant, f’telegramma bil-Franċiż lill-Kardinal Lacroix, il-Papa esprima wkoll formalment il-kondoljanzi tiegħu mal-vittmi tal-attakk terroristiku li seħħ fuq kamra tat-talb fiċ-Ċentru Kulturali Islamiku tal-belt.
It-telegramma tgħid li l-Papa “jafda f’idejn il-ħniena ta’ Alla l-persuni li tilfu ħajjithom u jingħaqad fit-talb mal-uġigħ tal-qraba tagħhom”.
Tkompli b’kundanna tal-vjolenza li ġġib din it-tbatija, u b’talba lil Alla għad-don tar-rispett reċiproku u l-paċi.