Il-Papa Franġisku u r-Re tal-Marokk f’appell għal Ġerusalemm

Il-Papa Franġisku u r-Re Mohammed VI jiffirmaw l-appell favur Ġerusalemm

Fl-ewwel jum taż-żjara tiegħu fil-Marokk, il-Papa Franġisku ingħaqad mar-Re Mohammed VI u flimkien iffirmaw appella favur il-belt ta’ Ġerusalemm fejn sejħulha “wirt komuni tal-umanità”.

Dan hu l-appell kif irrappurtat mill-Vatican News:

Fl-okkażżjoni taż-żjara tal-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku fir-renju tal-Marokk, il-Papa u l-Maesta Tiegħu ir-Re Mohammed VI, jirrikonoxxu l-karattru sagru u uniku ta’ Ġerusalemm u mħassba ħafna għas-sinjifikat spiritwal u l-vokazzjoni speċjali tagħha bħala belt tal-paċi, jingħaqdu biex jagħmlu dan l-appell.

Wirt Komuni tal-Umanità

“Aħna nqisu li hu mportanti li l-Belt Qaddisa ta’ Ġerusalemm tkun preservata bħala Wirt Komuni tal-Umanità u għall-imsieħba tat-tliet reliġjonijiet monoteistiċi hi post ta’ laqgħat u simbolu ta’ koeżistenza paċifika fejn jistgħu jkunu kultivati r-rispett u d-djalogu.

“Għal dan l-iskop, il-karattru multi-reliġjuż, id-dimensjoni spiritwali u l-identità kulturali partikolari ta’ Ġerusalemm, għandhom ikunu protetti u msaħħa.

“Għalhekk nittamaw li fil-Belt Imqaddsa jkun garantit l-aċċess liberu għas-segwaċi tat-tliet reliġjonijiet monoteistiċi u d-dritt tagħhom li jitolbu biex f’Ġerusalemm ikunu jistgħu jitolbu lil Alla, il-Ħallieq ta’ kulħadd u biex fid-dinja jkun hawn futur ta’ paċi u fraternità.”

Żjara fil-Musulew

Nhar is-Sibt ukoll wara li żar l-oqbra tal-mexxejja Marokkini, il-Papa ffirma l-Ktieb tal-Unur u talab għall-iżvilupp tal-Marokk u biex  tikber l-għaqda u s-solidarjetà bejn l-Insara u l-Musulmani. Il-Papa mbagħad mexa lejn il-Musulew tar-Re Mohammed V.

Flimkien mar-Re u diversi uffiċjali oħra li magħhom kellu djalogu fit-tul, il-Qdusija Tiegħu żar l-oqbra ta’ Mohammed V – meqjus bħala missier il-Marokk modern, u l-qabar ta’ Hassan II. Huwa poġġa fjuri fuq iż-żewġ oqbra u talab fuqhom.

Fil-Ktieb tal-Unur, il-Papa Franġisku kiteb: “Fl-okkażżjoni taż-żjara tiegħi f’dan il-Musulew, nitlob l-Alla għall-prosperità tar-Renju tal-Marokk u nitolbu biex ikabbar is-solidarjetà bejn l-Insara u l-Musulmani”.

Il-Papa mbagħad ngħata rigal ta’ tifkira u ktieb dwar l-istorja ta’ dawn l-oqbra.