Il-Papa Franġisku u l-coronavirus

REUTERS/Remo Casilli

Il-Papa Franġisku, li bħalissa jinsab ma jiflaħx, nhar l-Erbgħa li għadda esprima s-solidarjetà tiegħu ma’ dawk infettati bil-coronavirus.

Waqt l-Udjenza Ġenerali fi Pjazza San Pietru, il-Papa Franġisku semma wkoll lit-tobba, lill-infermiera, lill-impjegati tal-isptarijiet u lill-awtoritajiet, li bħalissa qed jaffaċċjaw il-kriżi li ġab miegħu dan il-virus.

Waqt l-istess quddiesa, il-Papa, li għandu 83 sena, beda jisgħol u kien daqsxejn maħnuq. Ilbieraħ ħassar xi impenji u impenji oħrajn kompliehom minn ġor-residenza tiegħu. Illum, il-Vatikan qal illi dalgħodu l-Papa qaddes quddiesa u ltaqa’ ma’ dawk preżenti, bħas-soltu, imma ddeċieda li jipposponi l-udjenzi ġenerali, jiġifieri meta jagħmel diskors b’lingwi differenti fuq xi tema partikolari quddiem udjenza.

Il-laqgħat fl-aġenda tiegħu għandhom ikomplu minn ġo Casa Santa Marta fejn joqgħod.

Fl-Italja ġew irrappurtati 21 mewt kawża tal-coronavirus.Iktar minn 820 persuna huma infettati.