Il-Papa Franġisku u l-Arċisqof Scicluna jiddiskutu dwar Malta

Il-Papa Franġisku u l-Arċisqof Charles Scicluna ddiskutew is-sitwazzjoni f’Malta fosthom il-qtil tar-raġel mill-Kosta tal-Avorju, Lassana Cisse. Il-każ seħħ f’April li għadda f’Ħal Far. Fi tmiem il-laqgħa bejn il-Papa Franġisku u l-Arċisqof Scicluna, l-Papa bagħat il-barka tiegħu lill-poplu Malti.

AQRA: Qtil Ħal Far: Il-FAM taħtar bord ta’ inkjesta interna

AQRA: Qtil Ħal Far – Biżżejjed evidenza biex jitpoġġew taħt att ta’ akkuża

Il-Papa Franġisku fakkar lill-Arċisqof dwar il-miġja ta’ San Pawl f’Malta u kif kien intlaqa’ mill-Maltin ta’ dak iż-żmien. Huwa kkundanna kull forma ta’ biża’ minn persuni li huma differenti kif ukoll reazzjonijiet negattivi fil-konfront tal-immigranti. Sostna li joħroġ ħafna ġid meta l-immigranti jiġu milqugħa.

Mons. Scicluna qal lill-Papa Franġisku li l-Knisja f’Malta se tkun qed torganizza ikla bejn tletin żagħżugħ Malti u tletin żagħżugħ barrani bl-isem ta’ ‘A Good Neighbourhood Dinner’. L-għan ta’ din l-ikla huwa li dawn jiddjalogaw flimkien.

AQRA: Filmat: Ikla għaż-żgħażagħ Maltin u immigranti fil-Kurja tal-Arċisqof

L-Arċisqof tkellem ukoll dwar l-ittra pastorali maħruġa f’Għid il-Ħamsin minn Mons. Scicluna u l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi. Spjegalu li fl-ittra l-isqfijiet ta’ Malta qed jappellaw lill-Maltin biex jibdlu l-attitudni tagħhom fil-konfront tal-barranin u biex jiefqu jarawhom bħala għedewwa.

AQRA: Filmat: “Opportunità tad-deheb biex nagħtu xhieda ta’ mħabba” – l-Isqfijiet Maltin