Il-Papa Franġisku u Benedittu fl-ewwel quddiesa flimkien

Il-Papa Emeritu Benedittu XVI għada filgħodu se jkun qiegħed jikkonċelebra mal-Papa Franġisku waqt il-quddiesa ta' kanonizzazzjoni ta' Ġwanni XXIII u Ġwanni Pawlu II fi Pjazza San Pietru l-Vatikan.

Din il-kanonizzazzjoni hi avveniment uniku għall-Knisja Kattolika. Mhux biss għax żewġ Papiet se jkunu ddikkjarati qaddisin flimkien iżda anke għax il-quddiesa ta' għada se tkun l-ewwel quddiesa pubblika li fiha l-Papa Emeritu se jkun qed jikkonċelebrata mal-Papa preżenti.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet fis-Sala Stampa tal-Vatikan, il-Kelliem għas-Santa Sede Padre Federico Lombardi ħabbar li Benedittu aċċetta l-istedina tal-Papa Franġisku. Lombardi ċċara li madanakollu, il-Papa Emeritu mhux se jkun fuq l-artal mal-Papa Franġisku.  

Benedittu XVI se jkun fuq in-naħa tax-xellug tas-Sagrato, maġenb l-isqfijiet u l-kardinali li se jkunu qed jikkonċelebraw ukoll.

L-aħħar darba li Benedittu XVI deher fil-pubbliku fil-Bażilika ta' San Pietru kien fit-22 ta' Frar li għadda meta fil-Bażilika kien hemm il-konċistorju għall-ħatra ta' 18-il kardinal ġdid.