Il-Papa Franġisku se jżur ċimiterju ta’ tfal abortiti fil-Korea

Mal-wasla tiegħu fil-Korea ta' Isfel il-Papa Franġisku mistenni jżur ċimiterju ta’ tfal abortiti.
Iċ-ċimiterju tat-tfal jinsab wara d-dar tas-sorijiet bl-isem ta' Kkttongnae u għandha wkoll monument tas-Sagra Familja mdawwar b’kurċifiss li jirrappreżenta lit-tfal li għadhom ma twildux.
Id-dar ta’ Kkttongnae tinsab fid-Djoċesi ta’ Cheongju fil-Korea t’Isfel.
Twaqqfet fl-1976 minn qassis li kien ispirat minn tallab b'diżabilità fiżika li kien kapaċi jitma 18-il persuna oħra marida.
Illum-il ġurnata din id-dar tgħin madwar 5,000 persuna, fosthom dawk bla dar, b’xi forma ta’ diżabilità u oħrajn li għandhom problemi bl-alkoħol.
Il-kelliem għall-Vatikan Padre Federico Lombardi qal li waqt iż-żjara tiegħu fil-Korea ta' Isfel, il-Papa se jitkellem bl-Ingliż u ċertu drabi mistenni wkolljinża ż-żarbun qabel jidħol f’ċerti postijiet.
Fuq Twitter il-Papa talab lis-segwaċi tiegħu biex jitolbu għalih waqt din iż-żjara fil-Korea u biex jitolbu għall-Ażja kollha.