Il-Papa Franġisku se jaħtar 13-il kardinal ġdid ix-xahar li ġej

Il-Papa Franġisku se jkun qed jaħtar 13-il kardinal ġdid ix-xahar id-dieħel, b’għaxra minnhom li għandhom inqas minn 80 sena u li se jkunu eliġibbli sabiex jivvutaw fil-konklavi li waqtu jintagħżel is-suċċessur tiegħu.

Waqt l-Angelus il-Ħadd, il-Papa Franġisku qal li l-konċitorju se jkun qed isir fil-5 ta’ Ottubru.

Aqra: Filmat: Il-Papa Franġisku jeħel fil-lift; salvat mill-pompiera

Il-Kardinali nominati ġejjin minn diversi pajjiżi fosthom l-Indoneżja, Kuba, il-Marokk u r-Repubblika Demokratika tal-Kongo. Fosthom hemm il-Ġiżwita Kanadiż Dun Michael Czerny, li jiġi l-kap tas-sessjoni tal-immigranti u r-refuġjati fi ħdan id-Dikasteru għall-Promozzjoni tal-Iżvilupp Integrali Uman.

Hemm ukoll l-Arċisqof Spanjol Miguel Ángel Ayuso Guixot, il-prefett tal-Kunsill Pontifiċju għad-Djalogu bejn ir-reliġjonijiet u l-Arċisqof Portugiż José Tolentino Mendonca, librar tal-Knisja Rumana. Magħhom hemm l-Arċisqof ta’ Jakarta fl-Indoneżja Ignatius Suharyo Hardjoatmodjo, l-Arċisqof ta’ Kinshasa fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo Fridolin Ambongo Besungu u l-Arċisqof ta’ Rabat fil-Marokk, Cristobal Lopez Romero.