Ritratti: Il-wasla tal-Papa fl-Irlanda

Charles McQuillan/Pool via REUTERS

Il-Papa Franġisku wasal fl-Irlanda ftit qabel nofsinhar. Huwa mistenni li jsib soċjetà trasformata mill-aħħar żjara ta’ Papa fl-Irlanda 39 sena ilu u fl-isfond ta’ kriżi oħra fil-knisja kkawżata mill-abbużi sesswali.

Aktar minn tliet kwarti tal-popolazzjoni ħarġet tilqa’ lill-Papa Ġwanni Pawlu II fl-1979 fi żmien meta d-divorzju u l-kontraċezzjoni kienu llegali. Illum il-ġurnata l-Kattoliċeżmu ma għadux f’saħħtu daqs qabel fl-Irlanda u tul l-aħħar tliet snin il-votanti Irlandiżi approvaw l-abort u ż-żwieġ bejn il-koppji omosesswali, kuntrarju għat-tagħlim tal-knisja.

Din id-darba hu mistenni li kwart tat-2.7 miljun ruħ li laqgħu lill-Papa Ġwanni Pawlu II jilqgħu lill-Papa Franġisku u dan jirrifletti l-fatt li l-abbużi sesswali li inkixfu fid-disgħinijiet ħallew impatt fuq il-Kattoliċiżmu Irlandiż.

Il-Prim Ministru Irlandiż Leo Varadkar qal lill-BBC li l-Knisja Kattolika għadha parti mis-soċjetà Irlandiża iżda mhux fiċ-ċentru tagħha bħal ma kienet 40 sena ilu. Varadkar is-sena li għaddiet laħaq bħala l-ewwel Prim Ministru omosesswali fl-Irlanda.

F’din iż-żjara, il-Papa Franġisku mistenni jżur Knock, villaġġ żgħir fil-Punent tal-Irlanda li jilqa’ mal-1.5 miljun pellegrin fis-sena.

500,000 se jattendu għall-quddiesa tal-Papa fl-Irlanda

Tħabbar ukoll li n-nofs miljun biljett li nħarġu għall-quddiesa tal-Papa nħatfu kollha mal-ewwel. Dan minkejja xi gruppi żgħar kienu qed jippjanaw xi protesti bil-kliem “Għidu le għall-Papa” jew “Qumu għall-Verità”.

Madankollu l-ewwel faċċati tal-gazzetti Irlandiżi kollha taw prominenza kbira lil din iż-żjara.

Il-Ħadd vġili fis-skiet biex tfakkar trabi mejta

Il-ħadd filgħaxija hemm ippjanata vġili fis-skiet fil-post fejn kien hemm dar titmexxa mill-Knisja għall-ommijiet mhux miżżewwġa fejn instabu l-oqbra ta’ mijiet ta’ trabi fl-2014.