Il-Papa Franġisku: “Ma tistax tmur għall-Gwerra f’isem Alla!”

Fi tmiem l-Anġelus ta’ nhar ta’ Ħadd, il-Papa Franġisku llum għamel appell imqanqal għall-paċi fl-Iraq u l-Gaża.
Matul tmiem il-Ġimgħa, il-Mexxej tal-Knisja Kattolika bagħat numru ta’ tweets mill-kont ta’ Twitter tiegħu, @Pontifex, jappella lill-Insara jitolbu għal dawk affettwati mill-vjolenza.
Il-Papa qal li “l-aħbarijiet li ġejjin mill-Iraq iħalluna mbeżża’: eluf ta’ persuni, fosthom ħafna Kristjani, b’mod brutali meħudin minn ġewwa darhom, tfal mejta sforz il-ġuħ u l-għatx li jaqbadhom wara l-ħarba; nisa misruqa; persuni mħanxra; vjolenza ta’ kull tip; qerda kullimkien; qerda ta’ djar, qerda ta’ patrimonji reliġjużi, storiċi u kulturali.”
Qal li dan kollu joffendi lil Alla u lill-umanità. Sostna li wieħed ma jistax iġib il-mibegħda u jmur għall-Gwerra f’isem Alla. Wara dan l-appel, il-Papa Franġisku talab lil dawk preżenti fi Pjażża San Pietru għal mument ta’ silenzju u talb għal dawk kollha li qed ibatu.
Il-Papa appella lil organizzazzjonijiet lokali u internazzjonali sabiex isibu soluzzjoni għall-vjolenza. Ftit iktar kmieni din il-ġimgħa, il-Vatikan ħabbar li l-Kardinal Fernando Filoni intgħażel bħala r-rappreżentant personali tal-Papa fl-Iraq.