Il-Papa Franġisku ma jridx qrid u lmenti

Il-Papa Franġisku waħħal tabella fuq il-bieb tal-kamra tiegħu f’Santa Martha, fil-Vatikan. It-tabella tgħid: Il-Qrid hu Projbit.
It-tabella twissi wkoll li min jikser din l-ordni ikun suġġett li jiżviluppa kumpless ta’ vittma li jwassal biex tonqoslu l-kapaċita’ li jsolvi l-problemi.
Il-piena tirdoppja meta l-qrid u l-ilmenti jsiru fil-preżenza tat-tfal u jissuġerixxi li “biex tkun l-aħjar għandek tiffoka fuq il-potenzjal tiegħek u mhux fuq il-limiti tiegħek. Għalhekk ieqaf eqred u aħdem biex tagħmel ħajtek aħjar”.
Din it-tabella ingħatat lill-Papa bħala rigal minn psikologu u psikoterapista Taljan, Salvo Noe, meta ltaqa’ miegħu fl-udjenza ġenerali tal-14 ta’ Ġunju li għadda.
Is-sit elettroniku Vatican Insider ippublika ritratt ta’ din it-tabella mwaħħla fuq l-uffiċċju tal-Papa li ntbagħtlu minn saċerdot anzjan Taljan li riċentement żar lill-Papa Franġisku fil-kamra tiegħu f’Santa Martha.