Il-Papa Franġisku ‘kompromess bejn il-konservattivi u l-liberali’

Mal-ħatra tal-Papa l-ġdid, kienu ħafna li riedu jsiru jafu aktar dwar il-kap ġdid tal-Knisja Kattolika. Il-kattoliċi mill-Arġentina, il-pajjiż minn fejn ġej il-Papa, kienu fost tal-ewwel li ddeskrivew il-karattru u l-ħidma tal-Papa Franġisku.

Francesca Ambrogetti, li kitbet il-biografija ta’ Bergoglio qalet li hu intlaqa’ tajjeb mill-kardinali waqt il-konklavi għax kapaċi jagħmel it-tibdiliet li hemm bżonn mingħajr ma jpoġġi fir-riskju t-tagħlim u t-tradizzjonijiet tal-Knisja.

Sostniet kif Bergoglio la hu konservattiv u lanqas liberali, iżda moderat.

Kien għalhekk li fil-Konklavi tal-2005, kien meqjus bħala kompromess bejn dawk li xtaqu xi ħadd liberali u oħrajn lil xi ħadd konservattiv.

Minn intervisti li għamlitlu għal tliet snin, Ambrogetti qalet li Bergoglio jemmen fi Knisja bi djalogu miftuħ mal-membri tagħha, li toħroġ u tiltaqa’ magħhom. Qalet ukoll kif il-Papa Franġisku se jmexxi lill-Knisja biex tkabbar ir-rwol missjunarju tagħha, li tippromwovi minflok tirregola il-fidi.

Tgħid li dejjem ħadem kontra l-inugwaljanza soċjali li teżisti fl-Arġentina u fil-pajjiżi tal-madwar, u li mhux l-ewwel darba attakka lill-politiċi li ma jagħmlux biżżejjed dwar dan.

Raġel ta’ 65 sena li jaħdem fi knisja f’Buenos Aires fejn il-Papa Franġisku kien imur jitlob, qal li minn dejjem kien persuna aċċessibli u umli. Qal kif meta kien imur jitlob, kien jagħżel li minflok iżur katidral joqgħod fis-siġġijiet ta’ wara ta’ knisja.

Qassis li jaħdem fl-Arġentina, iddeskriva lill-Papa Franġisku bħala raġel ta’ talb u umli. Qal li fil-pajjiż, il-kardinal Bergoglio kien magħruf għad-diskorsi u l-omeliji tiegħu li kienu jżommu lil min kien ikun qed jisimgħu, kemm jekk kattoliku jew le.

Temm jgħid li fl-istess ħin, Bergoglio kien bniedem li ma jibżax jieħu azzjoni u deċiżjonijiet diffiċli.