Il-Papa Franġisku jżur l-istatwa tal-Immakulata Kunċizzjoni fix-xita

Read in English.

Il-Papa Franġisku għamel żjara sorpriża lill-istatwa tal-Immakulata Kunċizzjoni fil-Piazza di Spagna f’Ruma dalgħodu.

Il-Papa għamel żjara privata lill-istatwa, ġranet wara li l-Vatikan ħabbar li mhux se jkun qed jagħmel din iż-żjara minħabba l-pandemija tal-coronavirus. Ritratti juru lill-Papa Franġisku quddiem l-istatwa b’rasu baxxuta u jżomm umbrella sewda. Hu kien imdawwar b’ħaddiema tal-protezzjoni ċivilili wkoll kienu qed jattendu dan l-avveniment biex jonoraw l-irwol tagħhom fl-inawgurazzjoni tal-istatwa fl-1857.

“Fis-7am, dalgħodu, fis-Solennita tal-Immakulata Kunċizzjoni tal-Verġni Maria, il-Papa żar it-Taraġ ta’ Spanja bħala att ta’ qima fil-privat għal Maria Immakulata,” skont l-uffiċċju tal-midja tal-Vatikan.

“Mal-bidu tal-jum, u fix-xita, hu poġġa bucket ward abjad mal-bażi tal-kolonna fejn hemm l-istatwa tal-Madonna u hemm għamel it-talbiet tiegħu Lilha. Hu talabha biex tħares lil Ruma u ċ-ċittadini tagħha b’imħabba, qal li qed jafdha f’idha liċ-ċittadini kollha ta’ din il-belt, u tad-dinja, li huma milquta minn mard u skoraġġjament.”

Il-Papa Franġisku wara mar lejn il-Bażilika ta’ Santa Marija Maġġuri, fejn talab quddiem l-ikona ta’ Salus Populi Romani, Maria l-Protettriċi tal-Poplu Ruman. Hu mbagħad qaddes quddiesa il-Kapella tan-Nattività qabel ma rritorna lejn il-Vatikan.

L-istatwa tal-Immakulata Kunċizzjoni fil-Piazzi di Spagna tinsab fuq kolonna għolja 40 pied. Mill-1953, saret tradizzjoni li l-papa jżur din l-istatwa fil-festa tal-Immakulata Kunċizzjoni. Papa Pius XII kien l-ewwel wieħed li għamel din iż-żjara, billi mexa żewġ mili mill-Vatikan biex iżurha.