Il-Papa Franġisku se jżur ir-refuġjati f’Ruma

Fil-jiem li ġejjin il-Papa Franġisku se jżur iċ-ċentru tar-refuġjati Astalli f’Ruma, li hu mmexxi mill-Ġiżwiti permezz tat-taqsima Taljana tal-JRS, il-Jesuit Refugee Service.

Il-Papa Franġisku mistenni jżur dan iċ-ċentru nhar it-Tlieta 10 ta’ Settembru.

Id-Direttur taċ-Ċentru Dun Giovanni La Manna qal li l-Papa ċempillu darbtejn dwar din iż-żjara.

L-ewwel darba fis-6 ta’ April biex jikkonfermalu li aċċetta l-istedina tiegħu biex iżur iċ-ċentru, u darba oħra biex jistabbilixxu d-data.

L-ewwel darba li ċempillu qallu li żamm l-ittra tiegħu fuq il-mejda biex iżommha dejjem f’moħħu.

Iċ-Ċentru Astalli jinkludi klinika, tliet ċentri li jilqgħu l-immigranti u skola tat-Taljan.

Fl-2012 dan iċ-ċentru offra s-servizzi tiegħu lil 20 elf persuna.

Il-kċina ta’ dan iċ-ċentru sservi 450 ikla kuljum.

Din se tkun it-tieni żjara tal-Papa Franġisku f’ċentru tar-refuġjati, wara li ftit aktar minn xahar ilu żar Lampedusa.