Il-Papa Franġisku jqassam Bibbja lil dawk fi Pjazza San Pietru

Filwaqt li fil-Ħdud li għaddew il-Papa Franġisku ħeġġeġ lill-Insara biex jaqraw aktar il-Kelma t’Alla, illum il-Papa qassam Bibbja lil dawk preżenti fi Pjazza San Pietru.
Wara t-talba tal-Angelus, il-Papa Franġisku qal lil dawk preżenti biex joħdu l-Bibbja magħhom, jgħożżuha u jaqrawha kuljum għax huwa b’dan il-mod li Alla jitkellem.
Il-Kap tal-Knisja Kattolika qal li llum wieħed jista’ jaqra l-kelma t’Alla b’diversi mezzi u għodda li toffri t-teknoloġija, iżda l-importanti li tinqara u timla l-qlub.
Il-Papa Franġisku ħeġġeġ lil dawk fi Pjazza San Pietru sabiex imorru fid-dinja kollha jxandru l-bxara t-tajba.
Hu rrefera għall-Evanġelju tal-ħames Ħadd tar-Randan dwar il-qawmien ta’ Lazzru u fakkar kliem Ġesù, li hu l-qawmien u l-ħajja.
Ħeġġeġ sabiex in-Nisrani joħroġ mid-dlam li jidħol fih permezz tad-dnub u anke sabiex ma jikkuntentax b’ħajja falza u egoista.
Il-Papa Franġisku kompla jgħid li l-qawmien tagħna jibda’ meta niddeċiedu li nobdu u nimxu wara dak li qal Ġesù.