Il-Papa Franġisku jkellem lill-Isqof Bugeja dwar is-sitwazzjoni fil-Libja

Bishop George Bugeja

Read in English.

Il-Vigarju Appostoliku ta’ Tripli l-Isqof George Bugeja, irċieva telefonata mingħand il-Papa Franġisku l-Ġimgħa li għaddiet.

Il-Provinċja Franġiskana f’Malta li l-Isqof Bugeja huwa parti minnha qalet li matul it-telefonata qasira, il-Papa Franġisku wera t-tħassib tiegħu u esprima l-ħsieb tiegħu għall-missjoni tiegħu fil-Libja. Żied li fl-aħħar snin il-Libja kienet għaddejja minn taqlib politiku kontinwu fil-pajjiż. L-Isqof Bugeja spjega li l-komunità Kristjana fil-Libja hija żgħira u qed tgħix il-fidi tagħha f’kundizzjonijiet diffiċli.

Il-Provinċja Franġiskana qalet li din it-telefonata kienet sinjal ta’ affezzjoni mill-Papa fid-dawl tal-missjoni fil-Libja.

L-Isqof Bugeja huwa mix-Xagħra u kien ordnat saċerdot fl-1986. Huwa ilu l-Libja mill-2015 u kien ordnat isqof biex jassisti l-Vigarju Appostoliku ta’ Tripli ta’ dak iż-żmien l-Isqof Giovanni Innocenzo Martinelli.

Bugeja laħaq Vigarju Appostoliku ta’ Tripli fi Frar 2017.