Il-Papa Franġisku jitlaq mit-Tajlandja u jerħilha għall-Ġappun

FILE PHOTO: Pope Francis leaves after leading the Holy Mass at the Assumption Cathedral in Bangkok, Thailand, November 22, 2019. REUTERS/Soe Zeya Tun

Read in English.

Il-Papa Franġisku telaq mit-Tajlanda llum wara żjara ta’ tliet ijiem. Dan sabiex issa jibda ż-żjara tiegħu fil-Ġappun fejn mistenni jżur Hiroshima u Nagasaki bħala parti mill-kampanja tiegħu kontra l-armi nukleari.

Il-Papa, li għandu 82 sena, kien akkumpanjat lejn l-ajruport minn kuġintu, is-Soru Ana Rosa Sivori, li ilha taħdem fi skejjel fit-Tajlanda għal dawn l-aħħar 50 sena. Hi serviet bħala interpretu għalih matul iż-żjara tiegħu.

Aqra: Il-Papa se jingħaqad ma’ kuġina meta jżur it-Tajlandja

Fit-Tajlanda hu ċċelebra quddiesa ma’ minorità Kattolika f’pajjiż prinċipalment Buddist. Hu tkellem kontra t-traffikar uman u l-esplojtazzjoni tan-nisa għas-sess.

Intant, fil-Ġappun, il-Papa mistenni jiffoka fuq il-kampanja tiegħu kontra l-armi nukleari, partikolarment il-Ħadd meta jkun qed iżur Hiroshima u Nagasaki. Dawn iż-żewġt ibliet huma magħrufin għas-sofferenzi kbar li għaddew minnhom kawża ta’ attakki nukleari.

Madwar 400,000 ruħ kienu inqatlu, jew kawża tal-isplużjoni jew inkella minħabba mard u ġrieħi li ġabet magħha r-radjazzjoni li jarmu l-bombi atomiċi. Il-bombi kienu mitfugħin mill-Istati Uniti u laqtu lil Hiroshima fis-6 t’Awwissu tal-1945 u lil Nagasaki tliet ijiem wara. L-Istati Uniti kienet qed tipprova twaqqaf it-Tieni Gwerra Dinjija.

Aqra: L-interpretu li se jkollu l-Papa fil-Ġappun hu ex-student tiegħu

Il-Papa Franġisku se jkun qed jiltaqa’ ma’ persuni li rnexxielhom isalvaw dawn l-isplużjonijiet, se jitlob u anke se jaqra messaġġ dwar armi nukleari f’Nagasaki. Aktar tard hu se jżur il-Peace Memorial Park f’Hiroshima.

Intant, fil-Kapitali Ġappuniża, hu se jkun qed jiltaqa’ ma’ persuni li salvaw id-diżastru nukleari li seħħ f’Fukushima fl-2011.

Il-Papa Franġisku qed jissielet sabiex l-armi nukleari jinqatgħu b’mod permanenti.