Il-Papa Franġisku jistieden lill-Knisja tiċċelebra l-“Ġimgħa Laudato si”

Ġimgħa biex tfakkar il-5 anniversarju tal-Enċiklika Laudato si.

F’messaġġ bil-video il-Papa Franġisku stieden lill-komunitajiet insara madwar id-dinja biex bejn is-16 u l-24 tax-xahar ta’ Mejju, jiċċelebraw il-“Ġimgħa Laudato si”

Fil-messaġġ tiegħu l-Papa jagħmel din id-domanda: “X’dinja rridu nħallu lil dawk li ġejjin warajna, lil uliedna li qed jikbru?”

Il-Papa żied jgħidilna li: “Motivat minn din id-domanda nixtieq nistedinkom biex tipparteċipaw fil-Ġimgħa Laudato si li se tkun ċelebrata bejn is-16 u l-24 ta’ Mejju. Din hi kampanja globali fl-okkażżjoni tal-ħames anniversarju tal-enċiklika Laudato si – fuq il-kura td-Dar Komuni tagħna”.

Il-Papa ġedded il-messaġġ urġenti tiegħu biex id-dinja twieġeb għall-kriżi ekoloġika. “Il-karba tad-Dinja u tal-Foqra ma tistax tkompli”, qalilna.

“Ejja nieħdu ħsieb il-ħolqien – rigal tat-twajjeb Alla, il-Kreatur. Ejjew niċċelebraw flimkien il-Ġimgħa Laudato si”.

Involviment

Il-Ġimgħa Laudato si qed tkun organizzata mid-Dikasteru għall-Iżvilupp Integrali Uman li qed jinkoraġixxi lill-komunitajiet Kattoliċi biex jieħdu azzjonijiet aktar b’saħħithom favur il-ħolqien matul il-ġimgħa msemmija.

Fuq sit elettroniku li nħoloq apposta ‘Laudato si Week’ website wieħed jista’ jsib diversi suġġerimenti ta’ x’azzjonijiet jista’ jieħu għal din l-okkażżjoni.

Bħala parti minn din il-Ġimgħa il-komunitajiet huma mistiedna jużaw l-għodod li jsibu fl-imsemmi sit elettroniku biex jippjanaw u jimplimentaw ħidmiet u inizjattivi u jinfurmaw b’dawn l-attivitajiet lill-membri tal-komunità tagħhom.

Skadenzi 2020

Il-ħames anniversarju tal-Enċiklika Laudato si jaħbat ma xi avvenimenti mportanti fit-tiġrija li jinstabu soluzzjonijiet għall-kriżi ambjentali li tinsab fiha d-dinja.

Din is-sena jagħlaq iż-żmien meta l-pajjiżi għandhom iħabbru l-pjani tagħhom dwar kif se jilħqu l-miri tal-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Klima.

Din is-sena għandha tiltaqa’ wkoll il-Konferenza dwar il-Biodiversità, organizzata min-Nazzjonijiet Uniti. Din il-Konferenza għandha toffri opportunità li tpoġġi miri xierqa biex ikunu protetti dawk il-postijiet u l-ispeċi li jsostnu l-ħajja.