Il-Papa Franġisku jisħaq: “Għidu jekk jogħġbok, skużani u grazzi”

Stephen Axisa, id-Direttur ta’ Aid to the Church in Need f’Malta qal li spunt li l-aktar li laqtu mid-diskors tal-Papa fl-Irlanda kien li sabiex familja tibqa’ magħquda trid tkun kapaċi titlob skuża, tgħid grazzi u jekk jogħġbok.

Dan qalu ma’ Newsbook.com.mt wara dak li qal il-Papa meta ltaqgħa ma’ bosta familji fi Croke Park. Axisa spjega li kien hemm diversi familji preżenti, ġejjin minn pajjiżi differenti madwar id-dinja bħal Kanada, l-Iraq, Burkina Faso, u l-Irlanda. Il-familji rrakkuntaw is-sitwazzjonijiet partikolari tagħhom fil-pajjiż.

Axisa spjega li l-Papa insista fid-diskors tiegħu li l-familja hija pilastru importanti għal-Knisja. Spjeha li l-futur tal-Knisja jiddependi minn familji sodi.

Meta mistoqsi x’inhi r-reazzjoni tiegħu dwar dak li qal il-Papa fuq ix-xogħol tal-Knisja dwar l-abbużi sesswali, Axisa rrimarka li sar pass fid-direzzjoni t-tajba. Spjega li qed issir ħafna kritika imma l-Knisja qed tieħu l-passi. Sostna li din is-sitwazzjoni mhux ta’ pjaċir għall-Knisja, imma hemm bżonn li wieħed jifhem li l-Knisja hija magħmula minn umani suġġetti għall-iżbalji li jrid iħallas għalihom.

Axisa spjega li bħalissa l-Papa jinsab fi triqtu għal Pheonix Park fejn se jkun qed iqaddes u sostna li qed jistenna bi ħġaru biex jisma’ l-messaġġ li se jgħaddi l-Papa llum.