Il-Papa Franġisku jipposponi żewġ attivitajiet internazzjonali ewlenin

REUTERS/Remo Casilli/File Photo

Read in English.

Il-Papa Franġisku ppospona żewġ attivitajiet internazzjonali ewlenin tal-Knisja Kattolika għas-sena d-dieħla minħabba l-inċertezza maħluqa mill-pandemija tal-coronavirus, skont dikjarazzjoni tal-Vatikan li nħarġet nhar it-Tnejn.

Filwaqt li l-Vatikan u l-Papa pposponew diversi attivitajiet u vjaġġi li kienu ppjanati għal din is-sena, l-aħbar ta’ nhar it-Tnejn kienet l-ewwel waħda li turi kif il-virus qed ikollu effett ukoll fuq l-ippjanar fit-tul tal-Knisja, li għandha aktar minn 1.3 biljun membru.

Il-Laqgħa Dinjija għall-Familji, li kellha sseħħ f’Ruma s-sena d-dieħla, ġiet posposta għall-2022, filwaqt li l-Jum Dinji taż-Żgħażagħ, li kien ippjanat li jsir f’Lisbona fl-2022, issa ġie pospost għall-2023.

Iż-żewġ avvenimenti, li jiġu organizzati f’lokalità differenti kull tant żmien, jattiraw folol kbar u diversi parteċipanti jivvjaġġaw minn barra l-pajjiż biex jattendu. Dawn l-avvenimenti tipikament huma organizzati għal numru ta’ ġranet, u tradizzjonalment il-Papa jipparteċipa fl-għeluq tagħhom.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn