Il-Papa Franġisku jinsisti li għandna ‘nipproteġu d-Dar Komuni’

Il-Papa Franġisku, fl-ewwel attività fil-beraħ li għamel fil-Perù, ltaqa' ma’ madwar 4,000 rappreżentant tal-popli indiġeni tal-Amazonia u saħaq li d-drittijiet u l-art ta’ dawn in-nies għandhom ikunu mħarsa u garantiti. Il-laqgħa saret fi Puerto Maldonado, li tinsab fil-qalba tar-reġjun tal-Amazonia.
“Intom tifkira ħajja tal-missjoni li Kristu afdalna: li nipproteġu d-dar komuni”. F’ġest simboliku l-Papa qassam lil dawk preżenti l-Enċiklika tiegħu Laudato Si tradotta fid-diversi lingwi tagħhom. L-enċiklika titratta primarjament il-problemi u l-ħarsien tal-ambjent.
Il-Papa qal li jqis l-Amazonia bħala post sagru u fakkar fil-kliem li  Alla kien qal lil Mose: “Neħħi l-qorq minn riġlejk għax il-post li fuqu qed tirfes hi art imqaddsa”. Qal li probabbilment il-popli tal-Amazonia bħalissa huma l-aktar popli mhedda għax hemm ħafna sinjuruni u interessi kummerċjali li qed iħarsu lejn ir-riżorsi tal-gas, injam, deheb, kultivazzjonijiet agrikoli li hemm f’dan ir-reġjun. Dan flimkien ma’ politika żbaljata ta’ “konservazzjoni” qed jużurpaw il-post fejn huma jgħixu.
Dawn il-problemi qed joħonqu lin-nies u jwasslu għall-emigrazzjoni taż-żgħażagħ għax ma jsibux alternattivi validi f’pajjiżhom. Il-Papa għalhekk sejjaħ li nkissru l-idea storika li l-Amazonia hi sors ma jispiċċa qatt ta’ riżorsi għall-pajjiżi oħra bla ma nagħtu każ il-ħtiġijiet tal-popli indiġeni.
Papa Franġisku appella għar-rispett, rikonxximent u djalogu mal-gruppi indiġeni u biex nagħrfu u ngħinuhom jirkupraw il-kulturi, il-lingwi, it-tradizzjonijiet, id-drittijiet u l-ispirtwalità tagħhom.  U fid-djalogu dwar dawn l-artijiet, l-imsieħba ewlenin għandhom ikunu n-nies  tal-lokal infushom biex ikun assigurat li r-riżorsi li huma kkultivaw jibbenefikaw minnhom il-komunitajiet tagħhom.
Il-Papa kkundanna x-xogħol illegali fil-minjieri li qed jikkontamina l-ambjent. Ikkundanna wkoll ix-xogħol taħt skjavitù u l-abbużi sesswali, partikolarment il-vjolenza kontra n-nisa u l-adoloxxenti.
Huwa appella biex ikunu difiżi u protetti madwar 64 grupp indiġenu mill-Ecuador, il-Peru, il-Brażil u l-Bolivia li mhedda mill-estinzjoni għax id-“dinja ċivilizzata” serqitilhom l-art tagħhom, għażlu li jmorru jgħixu fl-Amazonia.
Il-Papa sejjaħ għad-difiża tal-familja għax din iżżomm il-kulturi ħajja minn forom ideoloġiċi ta’ kolonjaliżmu u qal li “l-għibien ta’ kultura hi ħaġa serja daqs jekk mhux aktar mill-għajbien ta’ pjanti jew annimali”. Għalhekk inkoraġixxa edukazzjoni li ma tħassarx it-tradizzjonijiet, il-lingwi jew l-għerf tal-antenati indiġeni.
Fl-aħħarnett il-Papa faħħar l-isforzi li qed isiru f’din id-direzzjoni u ħeġġeġ lin-nies tal-Amazonia biex jgħinu fil-bini ta’ Knisja b’wiċċ tal-Amazonia għax qal li għalhekk hu sejjaħ is-Sinodu għall-Amazonia li għandu jsir fl-2019.