Il-Papa Franġisku jiltaqa’ wkoll ma’ Angelina Jolie

Fost l-udjenzi tal-Papa Franġisku li spikkaw din il-ġimgħa, hemm dik privata li kellu mal-attriċi Amerikana Angelina Jolie.  
L-attriċi ta’ 39 sena, ltaqgħet mal-Papa Franġisku wara uriet il-film il-ġdid tagħha Unbroken, lil xi ambaxxaturi u uffiċjali tal-Vatikan. 
Il-film hu dwar  Louis Zamperini, atleta Olimpiku Amerikan u eroj tat-Tieni Gwerra Dinija li l-ajruplan tiegħu twaqqa’ fl-Oċean Paċifiku waqt il-gwerra iżda rnexxielu jsalva. 
Il-kelliem għas-Santa Sede, Patri Federico Lombardi qal li l-film jagħfas fuq il-valuri tal-bniedem u dawk spiritwali, bħall-maħfra. 
Is-sena li għaddiet, Jolie, li hi l-Ambaxxatriċi tan-Nazzjonijiet Magħquda għar-Refuġjati, iltaqgħet ma’ diversi nies, fosthom refuġjati, atturi u ma’ nies irjali, bħar-Reġina Eliżabetta li f’Ottubru tatha t-titlu ta’ Dama Onorarja.