Il-Papa Franġisku jilqa’ lil Mahmoud Abbas

Illum il-Papa laqa’ f’udjenza privata lill-President tal-Istat Palestinjan, Mahmoud Abbas.

Id-diskussjoni ffukat fuq in-negozjati li għandhom jerġgħu jibdew bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani.

Il-Papa Franġisku u Mahmoud Abbas tkellmu dwar it-tama li dan il-proċess iħalli l-frott u jwassal għal soluzzjoni ġusta u dejjiema għall-kunflitt bejn iż-żewġ naħat fil-Lvant Nofsani.

It-tnejn esprimew it-tama li jittieħdu deċiżjonijiet determinati li jippromwovu l-paċi, bl-appoġġ tal-komunità internazzjonali.

Il-Papa u Abbas wrew tħassib serju dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja u eprimew it-tama li d-djalogu u r-rikonċilazzjoni jieħdu post il-loġika tal-vjolenza.

Issemma l-kontribut importani tal-komunitajiet Kristjani fil-Lvant Nofsani, għall-ġid komuni tas-soċjetà.

Mahmoud Abbas stieden lill-Papa Franġisku iżur l-Art Imqaddsa u l-Palestina.