Il-Papa Franġisku jikkanonizza l-ewwel qaddis ta’ Sri Lanka

L-Erbgħa filgħodu, il-pajjiż ta’ Sri Lanka kellu l-ewwel qaddis, San Joseph Vaz, qassis u missjunarju li miet ixandar il-Kelma tal-Mulej.
Iċ-ċerimonja saret fil-park ta’ Galle Face Green f’Kolombo, l-istess park fejn 20 sena ilu, fil-15 ta’ Jannar 1995, San Ġwanni Pawlu II, iċċelebra l-quddiesa ta’ beatifikazzjoni ta’ Joseph Vaz.
Il-Papa Franġisku qabbel lil San Joseph Vaz mal-missjunarji kollha fl-istorja tal-Knisja, li laqgħu s-sejħa tal-Mulej u marru jagħmlu dixxipli mill-ġnus kollha.
Fl-omelija, l-Papa qal li l-qassisin u r-reliġjużi għandhom iħarsu lejn San Joseph Vaz bħala eżempju ta’ gwida, għalliem, messaġġier tal-paċi u missjunarju entużjast li jwassal lil Ġesù f’kull post.
Appella wkoll lill-insara ta’ Sri Lanka biex ikunu sodi fil-fidi tagħhom u jkomplu jwasslu l-paċi, il-ġustizzja u r-rikonċiljazzjoni.
Fl-aħħar taċ-ċelebrazzjoni, il-poplu ta’ Sri Lanka ta $70,000 lill-Papa biex jużahom għall-karità.