Il-Papa Franġisku jiftaħ il-Bieb tal-Ħniena

Qassisin, reliġjużi, katekisti u żgħażagħ ingħaqdu mal-Papa Franġisku għaċ-ċelebrazzjoni tal-quddies fil-Katidral ta' Bangui fir-Repubblika Ċentru-Afrikana.
Matul iċ-ċerimonja, il-Papa fetaħ il-Bieb tal-Ħniena tal-Katidral, għall-ewwel darba barra minn Ruma. Dan ta bidu għall-Ġublew Straordinarju tal-Ħniena. Is-Sena tal-Ġublew uffiċjalment se tibda fit-8 ta’ Diċembru.
Fl-Omelija tiegħu, il-Papa Franġisku tkellem dwar il-vokazzjoni tal-Kristjan li jħobb lill-għadu tiegħu u saħaq li din tipproteġina mit-tentazzjoni li npattuha u mir-ritaljazzjoni.
Hu appella lil dawk kollha li nġabru quddiem il-katidral ta’ Bangui biex jitolbu flimkien għall-paċi f’pajjiżhom u f’dawk il-pajjiżi kollha li hemm il-gwerra u l-kunflitt.
Qal li Alla jsejjaħ lill-Krisjani kollha biex jaħdmu għal paċi mibnija fuq ġustizzja. Kompla jgħid li l-Kristjani huma mitluba jkunu xhieda tal-imħabba ta’ Kristu, b’mod speċjali bejn hemm il-vjolenza, il-mibegħda, l-inġustizzja u l-persekuzzjoni.
Temm l-omelija tiegħu b’appell urġenti lil dawk kollha li jagħmlu użu inġust tal-armi tagħhom biex ma jużawx “dawn l-istrumenti tal-mewt.”
Hekk kif il-Papa fetaħ il-bibien tal-injam, il-kongregazzjoni kantat qabel ma l-Papa ta bidu għaċ-ċelebrazzjoni tiegħu għall-quddies tal-ewwel Ħadd tal-Avvent.