Il-Papa Franġisku jifraħ u jbierek lill-President elett Joe Biden

Read in English.

ll-Papa Franġisku feraħ u bierek lill-President-elett tal-Istati Uniti Joe Biden b’telefonata l-Ħamis, fi sforz biex jerġa’ jibni r-rapport ma’ Washington wara erba’ snin ta’ relazzjonijiet diffiċli mal-President Donald Trump.

Il-konverżazzjoni tħabbret mit-tim ta’ tranżizzjoni għal Biden, li se jkun biss it-tieni President Kattoliku Ruman fl-Istati Uniti meta jidħol fil-White House fl-20 ta’ Jannar.

Trump għadu ma kkonċediex it-telfa u qed jisfida r-riżultat fil-Qrati. Il-pożizzjoni ta’ Biden kompliet tissaħħaħ hekk kif il-Ħamis Edison Research ħabbret li huwa proġettat li jirbaħ ukoll l-Istat ta’ Arizona, f’daqqa ta’ ħarta oħra għall-isforzi ta’ Trump li jdawwar ir-riżultat tal-elezzjoni.

Ir-rebħa ta’ Biden fl-Arizona se tfisser li d-Demokratiku jitla’ għal 290 vot fis-sistema tal-Kulleġġ Elettorali, 20 aktar mill-270 meħtieġa biex tkun ikkonfermata r-rebħa. Biden qed jirbaħ ukoll il-vot popolari b’aktar inn 5.2 miljun vot, jew 3.4%.

Franġisku fil-passat kellu differenzi ma’ Trump fuq numru ta’ kwistjonijiet, fosthom dwar iċ-Ċina, il-bidla fil-klima, Kuba u l-immigrazzjoni. 

“Il-President-Elett irringrazzja lis-Santità Tiegħu tal-messaġġ ta’ awguri u barka tiegħu u nnota l-apprezzament tar-rwol primarju tal-Papa fil-promozzjoni tal-paċi, ir-rikonċiljazzjoni u l-għaqda bejn il-popli madwar id-dinja”, qal it-tim ta’ tranżizzjoni fi stqarrija.

Biden esprima x-xewqa tiegħu li jkun hemm ħidma konġunta dwar twemmin komuni fid-dinjità u l-ugwaljanza fl-umanità kollha u dwar kwistjonijiet bħall-indirizzar tal-bidla fil-klima, u l-ħarsien ta’ dawk marġinalizzati u l-foqra u l-integrazzjoni tal-immigrati u r-refuġjati fil-komunitajiet tagħna.

Fi Frar 2016, meta r-Repubblikan Trump kien għadu kandidat għall-Presidenza, Franġisku kien kritika l-wegħda tiegħu li jibni fruntiera mal-Messiku, fejn kien sostna li raġel li jrid jibni l-ħitan ma kienx “Kristjan”.

Franġisku kritika wkoll d-deċiżjoni ta’ Trump li jirtira mill-ftehim ta’ Pariġi biex jitnaqqas it-tisħin globali u l-politika li jifred il-familji migranti li jidħlu fl-Istati Uniti. F’intervista fl-2018, Franġisku kien esprima ruħu diżappuntat b’deċiżjoni ta’ Trump li ma jirrispettax ftehim li l-amministrazzjoni ta’ Obama, bil-medjazzjoni tal-Vatikan, kienet laħqet ma’ Kuba dwar kummerċ u vjaġġar.

Biden, li jattendi l-Quddies nhar ta’ Ħadd, se jkun l-ewwel President Kattoliku sa minn John F. Kennedy fis-Sittinijiet. Amerikani Kattoliċi Konservattivi, li ħafna minnhom ivvutaw lil Trump, sostnew li l-qassisin m’għandhomx iqarbnu lill-Biden minħabba l-pożizzjoni tiegħu favur drittijiet marbuta mal-abort.