Il-Papa Franġisku jibda l-vjaġġ fil-Korea t’Isfel

Il-Papa Franġisku wasal fil-Korea t’Isfel u b’hekk beda’ l-ewwel vjaġġ tiegħu fl-Asja sa minn meta ħa f’idejh it-tmexxija tal-Knisja Kattolika.
Matul dan il-vjaġġ, il-Papa Franġisku se jkun qed jikkanonizza Koreani Kattoliċi li mietu għall-fidi tagħhom filwaqt li se jkun qed jattendi festival Kattoliku taż-żgħażagħ.
Ftit qabel il-wasla tal-Papa, il-Korea ta’ Fuq sparat tliet missili, bl-aħħar waħda kienet sparata madwar 35 minuta qabel il-wasla tar-ragħaj tal-Knisja Kattolika.
Il-Papa Franġisku mistenni jiltaqa’ mal-istudenti li salvaw fid-diżastru tal-vapurett Sewol li ħasad ukoll il-ħajja ta’ 300 persuna.
Nhar it-Tnejn, fl-aħħar jum taż-żjara tiegħu fil-Korea t’Isfel, il-Kap tal-Knisja Kattolika se jkun qed jitlob b’quddiesa għall-paċi u r-rikonċiljazzjoni.
Hu rrappurtat li l-Korea ta’ Fuq m’aċċettatx l-istedina mid-Djoċesi ta’ Seoul għall-quddiesa li se ssir u li ġġib fi tmiemha ż-żjara tal-Papa Franġisku fil-Korea ta’ Isfel.