Awdjo: Il-Papa Franġisku jħabbar “festa ta’ maħfra”

Waqt l-Anġelus il-Papa Franġisku ħabbar li nhar il-Ġimgħa u s-Sibt se jsir mument penitenzjali fil-Vatikan, f’diversi knejjes ta’ Ruma u oħrajn madwar id-dinja. Huwa ddeskriva dan il-mument bħala festa għax fi kliemu “il-maħfra t’ Alla għandha tiġi ċelebrata.” Kien hawn li fakkar fil-Parabbola tal-Iben il-Ħali u spjega kif il-missier feraħ u għamel festa meta l-iben mar lura għandu.
Dan il-mument se jibda nhar il-Ġimgħa waranofsinhar b’ċelebrazzjoni fil-Bażilika ta’ San Pietru. Matul dak il-lejl, diversi knejjes f’Ruma se jibqgħu miftuħa għat-talb u għall-qrar.
Intant waqt id-diskors tiegħu, b’referenza għall-Evanġelju tal-mara Samaritana, il-Papa saħaq li l-imħabba ta’ Ġesù hija infinita u mingħajr ma jiġġudika jħobb lil kulħadd kif inhu. Spjega kif id-dixxipli tiegħu inħasdu meta rawh jitkellem mal-mara, iżda Ġesù bl-aġir tiegħu ried juri li l-ħniena hija ikbar mill-preġudizzju.
Il-Papa Franġisku qal li l-għatx li jitkellem dwaru Ġesù fl-Evanġelju, mhux għatx għall-ilma, iżda għatx biex il-qalb tiegħu tingħaqad ma’ tal-bniedem.
Fl-aħħarnett, il-Papa ħeġġeġ lill-kulħadd biex jeżamina x’qed itaqqlu fil-ħajja u bl-umiltà kollha jmur biha għand Ġesù. Spjega li meta wieħed jagħmel dan, jesperjenza l-ferħ li r-relazzjoni ma’ Ġesù ġġib magħha.