Il-Papa Franġisku jgħid li Satana hu realtà

Il-Papa Franġisku fakkar lil dawk li jaħsbu li t-twemmin fix-xitan hu xi ħaġa antikwata u li għadda żmienu, li Satana jeżisti verament u Ġesù Kristu nnifsu għamel esperjenza tat-tentazzjonijiet tiegħu iżda għelibhom.

“Hekk bdiet il-ħajja pubblika ta’ Kristu, bit-tentazzjoni ta’ Satana. Ix-xitan kien preżenti”, qal il-Papa Franġisku fl-udjenza nhar l-1 ta’ Mejju.

Ġesù kkonfronta lix-xitan

“Ħafna nies jgħidulek: ‘Imma għaliex titkellmu dwar ix-xitan li hu xi ħaġa antika u tal-passat? Ix-xitan ma jeżistix’. Imma araw x’jgħallimna l-Vanġelu,”, enfasizza l-Papa. “Ġesù kkonfronta lix-xitax, kien ittantat minn Satana. Imma Kristu għeleb kull tentazzjoni u ħareġ rebbieħ.”

Il-Papa qal lin-nies biex jiftakru fil-mumenti meta huma stess ikunu ttentati “Li Kristu diġà ġġieled din it-tentazzjoni għalina”.

Fl-udjenza ġenerali ta’ nhar l-Erbgħa, l-Papa kompla jfisser it-talba tal-Missierna. Hu kien diġa’ kkritika l-mod kif kien tradott vers minn din it-talba f’ċerti lingwi – il-vers:  “iddaħalniex fit-tiġrib”. Is-sena li għaddiet il-Konferenza Episkopali Taljana ddeċidiet li tibdel it-traduzzjoni ta’ dan il-vers.

Il-Papa qal li l-espressjoni oriġinali bil-Grieg li hemm fl-Evanġelju hi diffiċli biex tittraduċiha sew u t-traduzzjonijiet moderni kollha huma xi ftit zopop. Hu ċar, qal il-Papa Franġisku, li dan il-vers ma jridx ifisser li Alla hu tentatur li jrid idaħħalna fl-inkwiet. “L-insara ma għandhomx x’jaqsmu ma xi Alla għajjur li hu f’kompetizzjoni mal-bniedem jew xi ħadd li jieħu gost jittestja lill-bniedem”.

Alla ma jħalliniex weħidna

Papa Franġisku fakkar li Ġesù stess kien ittantat f’ħajtu u għalhekk dak il-kliem fit-talba tal-Missierna li jitolbu ‘l Alla biex ma jabbandunax lin-nies tiegħu fil-mumenti tal-bżonn “diġa’ kienu mwieġba. “Alla ma ħallinhiex weħiedna u fi Kristu jimmanifesta lilu nnifsu bħala ‘Alla magħna’. Hu magħna meta jagħtina l-ħajja, magħna fil-ferħ, magħna fid-diffikultajiet, magħna fid-dwejjaq, magħna met nitilfu, meta nidinbu imma hu magħna dejjem għax hu Missier u mhux se jabbandunana”, insista Papa Franġisku.

Hu nnota li dan jikkuntrasta mad-djufija tal-umanità. Meta d-dixxipli, fl-Ort tal-Ġetsemani raqdu waqt l-agunija ta’ Kristu: “Alla talabhom biex ma jabbadundawħx, iżda minflok, huma raqdu”. Fil-mumenti ta’ prova tal-bniedem, Alla flok jorqgħod iħarisna.

“Fl-agħar żminijiet ta’ ħajjitna, fil-mumenti tat-tbatija, fil-mumenti l-aktar diffiċli, Alla jħarisna. Jikkumbatti magħna. Hu dejjem qrib tagħna. Għaliex? Għax hu Missier”, spjega l-Papa.

Dan hu ta’ konfort għal kull persuna fil-mumenti diffiċli. Nafu li Ġesù diġà qasam il-wied li issa hu mbierek mill-preżenza tal-Iben t’Alla. “Għalhekk nibdew it-talba: Missierna. Missier li qatt ma jabbanduna ‘l uliedu.”

“Meta dan il-mument ta’ prova jasal fuqna, urina Missier, li m’aħniex weħidna”, talab il-Papa. “Urina li Kristu diġa’ ħa fuqu it-toqol ta’ salibna, urina u sejjħilna biex miegħu nġorru s-salib għax nafdaw flimħabba tal-Missier”.