Il-Papa Franġisku jgħammed 26 tarbija

Fil-festa tal-Magħmudija ta’ Ġesù, il-Papa Franġisku għammed 26 tarbija, 13-il tifel u 13-il tifla waqt Quddiesa fil-Kappella Sistina fil-Vatikan.
Waqt il-magħmudija l-Papa reġa’ qal lill-ommijiet biex ma jiddejqux ireddgħu lit-trabi meta jibku jew ikollhom il-ġuħ.
Il-Papa wera x-xewqa tiegħu li jrabbu lil uliedhom fil-fidi, sabiex tkompli tikber u tintiret minn ġenerazzjoni għall-oħra.
Il-fidi li tagħtina l-magħmudija hija l-fidi li l-Ispirtu s-Santu jġorr fil-qalba, fir-ruħ u fil-ħajja tat-tfal tagħna.
Hija tradizzjoni antika, li fil-festa tal-Magħmudija tal-Mulej, il-Papa jgħammed trabi u jilqagħhom uffiċjalment bħala membri tal-Knisja.
Il-Kappella Sistina hija l-post li fih jinġabru l-Kardinali waqt il-Konklavi biex jagħżlu l-Papa.
Il-festa tal-Magħmudija ta' Ġesù, tiġi ċċelebrata kull sena Ħadd fuq l-Epifanija u tagħlaq iż-żmien liturġiku tal-Milied. Dan ifisser li issa jibda ż-żmien ta' matul is-sena sakemm jibda r-Randan, nhar l-10 ta’ Frar.

Rittratt: L'Osservatore Romano