Il-Papa Franġisku jfakkar il-vittmi tal-vapurett f’Sewol

Waqt l-ewwel quddiesa tiegħu fil-Korea t’Isfel, il-Papa Franġisku qal lil dawk preżenti biex jiġġieldu kontra “kultura ta’ mewt” u l-marda tad-disperazzjoni.
Fl-istadium ta’ Daejeon, inġabru mal-50,000 Nisrani, li laqgħuh b’ħafna ferħ.
Fl-omelija tiegħu, l-Papa Franġisku qal li l-mudelli ekonomiċi joħolqu forom ġodda ta’ faqar u li ma jirrispettawx id-dinjità ta’ kull bniedem.
Kompla jispjega li t-teknoloġija  u l-iżvilupp tas-soċjetà se jġibu magħhom il-qerda tal-ħajja, u li n-Nisrani għandu jħares lejn Marija li tgħallem li l-libertà Nisranija ġġib magħha l-imħabba lejn Alla.
Indirizza liż-żgħażagħ meta qal li l-Vanġelu huwa l-mediċina li jkeċċi kull tip ta’ disprament, u li l-ġenerazzjoni li jmiss għandha tkun waħda li timla s-soċjetà bil-ferħ u fidi, u li qatt ma jkunu mċaħħda minn din it-tama.
Waqt it-talba tal-Anġelus, il-Papa talab għall-vittmi li mietu fuq il-vapurett f’Sewol f’April li għadda.
294 persuna mietu f’dan l-inċident, filwaqt li għaxar persuni għadhom m’instabux. Huwa talab lil Marija biex tgħin lil dawk kollha li qed isofru minħabba din it-traġedja.
Missier ta’ wieħed mill-vittmi talab biex jitgħammed mill-Papa, li wegħdu li jgħammdu għada.