Il-Papa Franġisku jfakkar il-50 anniversarju tal-Avvenire

Fl-1 ta’ Mejju li għadda l-Papa Franġisku fakkar il-50 anniversarju tal-ġurnal Taljan Avvenire, li hu meqjus bħala l-gazzetta tal-Konferenza Episkopali Taljana li tkun ippubblikata kuljum fl-Italja.
F’din l-okkażjoni, il-Qdusija Tiegħu laqgħa lill-impjegati ta’ dan il-ġurnal u l-familji tagħhom, fosthom ġurnalisti. Il-laqgħa saret fis-Sala Clementina fil-Palazz Appostoliku fil-Vatikan.
Fl-1 ta’ Mejju l-festa ta’ San Ġużepp Ħaddiem, il-Papa qal li San Ġużepp hu mudell ta’ kif wieħed jista’ jevanġelizza permezz tal-komunikazzjoni. Ħila importanti fil-komunikazzjoni hi li wieħed jisma’. Għax sema’ minn Alla, San Ġużepp obda u ffaċċja d-diffikultajiet bla ma qagħad jistaqsi u wettaq il-missjoni tiegħu li jieħu ħsieb Ġesù.
“Il-midja toffrilna potenzjal enormi biex nikkontribwixxu, bis-servizz personali tagħna, biex tinbena l-kultura tal-inkontru, tal-laqgħat”, qal il-Papa.
“Biex niffukaw fuq din il-missjoni nidħlu għal mument flimkien fil-ħanut tal-mastrudaxxa; ejja mmorru lura lejn l-iskola ta’ San Ġużepp, fejn il-komunikazzjoni narawha fil-verità, is-sbuħija u t-tjubija”.
Il-gazzetta Avvenire twaqqfet fll-1968 f’Milan meta ngħaqdu flimkien żewġ fuljetti Kattoliċi. Il-Papa Pawlu VI kien appoġġja bil-qawwa din il-gazzetta għax ried li jkun hemm medium kulturali komuni għall-Kattoliċi Taljani.
Matul l-istorja tagħha l-Avvenire żammet din il-karatteristika, fetħet ukoll għas-soċjetà ċivili u estendiet il-paġni tagħha għal dibattitu kulturali. Illum għandha wkoll sit elettroniku estensiv u anke verżjonijiet diġitali.
Il-gazzetta tifforma parti mix-xibka ta’ komunikazzjoni tal-Isqfijiet Taljani li tinkludi wkoll l-Aġenzija tal-Aħbarijiet SIR, TV 2000 u Radju InBlu.