Il-Papa Franġisku jerġa’ jaħtar lil Rev. Hector Scerri bħala konsultur

Il-Papa Franġisku reġa’ ħatar lil Rev. Prof. Hector Scerri konsultur tal-Kunsill Pontifiċju għall-Promozzjoni tal-Għaqda fost l-Insara.

Rev. Prof. Hector Scerri diġà kien wieħed mill-konsulturi tad-Dekasteru tal-Ekumeniżmu. Fl-2014, meta kien sema’ b’din l-aħbar, kien stqarr ma’ Newsbook.com.mt li kien sorpriż ħafna bid-deċiżjoni tal-Papa.

Huwa għandu jkun inkarigat minn materji relatati mad-Djalogu Ekumeniku bejn diversi knejjes u t-tradizzjonijiet Insara.

Rev. Prof. Hector Scerri huwa Assistent Ekkleżjastiku tal-Aid to the Church in Need Malta. Aid to the Church in Need qalet li, “Waqt li dan huwa ta’ unur u ta’ servizz għall-Knisja Universali huwa wkoll unur għall-Arċidjoċesi ta’ Malta. Dan l-unur hu tassew mistħoqq lil Rev. Prof. Hector Scerri. Aħna nwegħduh it-talb u l-appoġġ tagħna biex il-Mulej ikompli jgħinu f’din il-ħidma tant importanti.”