Il-Papa Franġisku jattakka bl-aħrax l-ambizzjoni għall-profitti akkost ta’ kollox

F’messaġġ li bagħat lill-mexxejja tal-akbar kumpaniji fil-Forum Ekonomiku Dinji li qed isir f’Davos, il-Papa Franġisku qal li l-ambizzjoni li jinħolqu profitti akkost ta’ kollox qed twassal għal tifrik fl-istati u individwaliżmu sfrenat.
Huwa qal li l-instabbiltà finanzjarja wasslet għal problemi ġodda bħalma huma ż-żidiet fil-qagħad, f’diversi forom ta’ faqar u fit-twessigħ tal-firda bejn is-sinjur u l-fqir.
Qal li dan qed iwassal ukoll għall-forom ġodda ta’ skjavitù mwellda minn sitwazzjoninjet ta’ kunflitt, immigrazzjoni u diversi problemi soċjali.
In-nies, wissa l-Papa Franġisku, qed jintużaw bħala roti f’magna u jekk ma jkunx għad fadal użu għal dik il-magna, ir-roti jintremew mingħajr ħafna inkwiet.
Dwar ir-robotika, il-Papa qal li din għandha tintuża għas-servizz tal-bniedem mhux biex teħodlu postu.
Il-ħelsien ekonomiku, saħaq il-Papa, m'għandux jieħu post il-ħelsien tal-bnedmin.
Il-Papa wissa li l-kapitaliżmu mhux qed jaqdi lill-popli. Sostna li huwa moralment meħtieġ li jinħolqu kundizzjonijiet li permezz tagħhom kulħadd ikun jista’ jgħix b’mod dinjituż.
Il-Papa ħeġġeġ ukoll li jitqiegħdu l-pedamenti biex tinħoloq soċjetà aktar ġusta u li tagħti dinjità lil dawk li lanqas jifilħu joħolmu f’dinja aħjar.
Il-Papa Franġisku wera ruħu mħasseb dwar dik li huwa ddeskriva bħala l-frammentazzjoni dejjem tikber bejn il-pajjiżi u l-istituzzjonijiet fi ħdanhom li qed iwasslu għall-ħolqien ta’ fatturi ġodda li jaffettwaw il-kompetizzjoni kummerċjali u l-ftehim ekonomiku.