Il-Papa Franġisku jappella għall-paċi u d-djalogu fis-Sudan

REUTERS/Yara Nardi

Il-Papa Franġisku appella għall-paċi u d-djalogu fis-Sudan wara li l-forzi tas-sigurtà użaw il-forza kontra l-attivisti favur id-demokrazija f’Khartoum matul il-ġimgħa li għaddiet.

Huwa u jindirizza l-folol fi Pjazza San Pietru, il-Papa sostna li l-aħbarijiet dwar is-Sudan jqajjmu tħassib u uġigħ. Huwa talab għan-nies ta’ Sudan u biex tieqaf il-vjolenza u b’hekk wieħed ifittex il-ġid komuni permezz tad-djalogu.

It-tobba li jiffurmaw parti mill-oppożizzjoni fis-Sudan iddikjaraw li 113 persuna inqatlu matul il-ġimgħa li għaddiet fil-belt kapitali tas-Sudan Khartoum. Il-Gvern tal-pajjiż minn naħa l-oħra qed jgħid li 61 inqatlu bi 3 minnhom huma membri tal-forzi tas-sigurtà.

L-alleanza ewlenija ta’ gruppi ta’ Oppożizzjoni u attivisti fis-Sudan ħeġġew lill-ħaddiema biex il-Ħadd ma joħroġux hekk kif tnediet kampanja ta’ diżubidjenza ċivili bl-għan li l-poter jgħaddi mill-militar għall-idejn il-persuni ċivili.